​Awdjo: F’Għawdex imorru l-iskola bil-piġama

Fil-jiem li ġejjin, madwar 350 tifel u tifla li jattendu l-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex se jkunu qed imorru l-iskola bil-piġama u jagħtu donazzjoni għal Puttinu Cares. Magħhom se jingħaqdu madwar 40 għalliem, LSAs u Kindergarten Assistants.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kap tal-Iskola Lelio Spiteri qal li l-idea nibtet hekk kif fl-aħħar xhur, student tal-iskola tiegħu kellu bżonn il-kura u sab l-għajnuna ta’ Puttinu.
L-idea wara l-Pyjama Day, li se ssir fit-28 ta’ Jannar, hi li l-istudenti flimkien mal-għalliema tagħhom, iqattgħu ġurnata bil-piġama bħala solidarjetà ma’ dawk it-tfal li jkollhom jilbsu l-piġama għall-ġimgħat sħaħ, anke jekk ma jkunux iridu.
Lelio Spiteri qal li din mhix l-ewwel darba li l-iskola, li ħafna jsejħulha l-Happy School, torganizza attivitajiet differenti biex l-istudenti jmorru l-iskola b’aktar ħeġġa.
Sostna li l-għan wara din l-attività mhix biss biex it-tfal u l-għalliema jieħdu pjaċir iżda biex jgħinu lill-oħrajn filwaqt li jgħidu ‘Grazzi’ lil Puttinu Cares. 
Ħeġġeġ lil skejjel oħra biex jieħdu din l-inizjattiva huma wkoll biex ikunu ta' sapport għal dawk it-tfal li jqattgħu jiem sħaħ fis-sodda. 
Ritratt: Facebook