Awdjo: “F’Għawdex hawn xibka ta’ droga li fiha qed jinqabdu anke t-tfal” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech, qal li f’Għawdex teżisti xibka ta’ droga mifruxa sew u li fiha qed jinqabdu mhux biss żgħażagħ imma anke tfal taħt l-età.
Waqt il-kummentarju fuq RTK, l-Isqof Grech kompla ma’ dak li saħaq dwaru fl-omelija f’nhar Santa Marija u insista li kull post fejn qed tinfirex id-droga għandu joħloq tħassib iżda ddeskriva bħala “umiljanti” l-fatt li traffikanti qed jinqdew bil-festi.
“Id-droga hija espressjoni moderna tad-dragun tal-Apokalissi”
Monsinjur Grech tkellem dwar is-Solennità ta’ Santa Marija u rrefera għar-rakkont tal-Apokalissi fejn id-dragun, wara li falla milli jeqred lill-mara u lil binha, dar għal fuq il-bniedem.
Spjega li d-dragun huwa personifikazzjoni tal-ħażen li fi kliemu “bidel il-pil” iżda xorta għadu ta’ theddida għal bniedem.
Monsinjur Grech saħaq li t-traffikar tad-droga hija espressjoni moderna tad-dragun tal-Apokalissi u ddeskriviha bħala “ġerħa kbira għal Għawdex.”
“Veru li l-prezz tal-kokaina jisplodi waqt il-festi?”
Spjega kif ħafna ġibdulu l-attenzjoni għal fatt li minkejja li l-konsum tal-alkoħol waqt il-festi jidher li naqas, xorta waħda ħafna jispiċċaw “imdamdmin” wara l-marċijiet.
Staqsa jekk hux minnu li fil-festi, il-prezz tal-qratas tal-kokaina “qed jisplodi.”
Fakkar kif dawk li jaqgħu vittmi ta’ dan il-vizzju jispiċċaw jagħmlu minn kollox. Semma familji li tfaqqru u żgħażagħ li spiċċaw jaqgħu fil-kriminalità.
“Mad-droga ma tista’ qatt toħloq kompromess”
Kien hawn li saħaq li d-droga hija ħażina u li ma tistax tiġġieled id-droga bid-droga. Irrefera għad-diskussjoni dwar id-droga rikreattiva u insista li mad-droga ma tista’ qatt toħloq kompromess.
Spjega wkoll li hemm min sar sinjur minn fuq dan il-vizzju u biex jaħbu dnubhom ħolqu sistemi baxxi kif jaħslu l-flus. Semma esperjenza ta’ wieħed li meta kien barra minn Malta u daħal jieħu kafè, tal-ħanut tah irċevuta ta’ €100.
“Nittama li s-sistema fiskali ta’ pajjiżna hija serja biżżejjed biex tevita dan l-abbuż,” saħaq Monsinjur Grech.
“Biex il-Forza tal-Ordni tkun effettiva teħtieġ il-koperazzjoni”
Kompla jgħid li apparti l-ħażin, hawn ħafna tajjeb u fost dawn semma l-familja u l-Forza tal-Ordni.
Kien hawn li saħaq li l-Forza tal-Ordni, biex tkun effettiva, għandha bżonn il-koperazzjoni tal-pubbliku u tenna li s-soċjetà trid tieqaf tkun indiffirenti u individwalista.
Il-festa ta’ Santa Marija, kompla Monsinjur Grech, għandha tħeġġeġ lill-komunità Nisranija biex tieqaf lid-dragun kattiv u ma tħallihx jisraq it-tama.
“Intom li tmexxu d-droga, iftħu qalbkom għal ħniena ta’ Alla”
Lil dawk li jmexxu d-droga, stedinhom biex jiftħu qalbhom għal ħniena ta’ Alla u insista li dawn ukoll għandhom bżonn l-għajnuna.
“Kuxjenza mċapsa bid-demm innoċenti ma tinħafirx malajr,” qal Monsinjur Grech. “Tinħasel biss bil-grazzja ta’ Alla li jaħfer kollox u lil kulħadd.”
Temm jikkwota lill-Papa Franġisku, li lanqas l-omiċida ma jitlef id-dinjità personali tiegħu u Alla stess jiddefendih.