Awdjo: “Favur fondi lill-unjins imma jrid ikollok minn fejn” – Dr Vanni Xuereb

Il-MEUSAC qalet li tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tibqa’ tgħaddi għajnuniet finanzjarji lill-Korpi Kostitwiti u NGOs minħabba nuqqas ta’ fondi. 

Ma’ Newsbook.com.mt, id-Direttur tal-MEUSAC, Dr Vanni Xuereb qal li s-sitwazzjoni finanzjarja internazzjonali wasslet biex tnaqqsu l-fondi allokati lil diversi entitajiet, fosthom lill-MEUSAC.

Spjega kif fl-2011, mill-baġit nazzjonali, il-MEUSAC kellha allokazzjoni ta’ €1.1 miljun. Fl-2012 dan ġie mnaqqas għal €1 miljun u aktar tard matul is-sena meta ġew riveduti l-allokazzjonijiet tal-baġit iċ-ċifra niżlet għal €900,000.

Saħaq li l-baġit allokat għal din is-sena huwa ta’ €800,000.

Xuereb qal li l-GWU, il-UĦM, il-GRTU u l-MEA kienu jingħataw €58,200 kull wieħed fis-sena, filwaqt li entitajiet iżgħar jieħdu massimu ta’ €10,000 kull wieħed. Dan biex ikopru l-ispiża għall-avvenimenti relatati mal-Unjoni Ewropea.

Dr Xuereb sostna li huwa "favur li jingħataw fondi lill-Korpi Kostitwiti imma jrid ikollok minn fejn". Żied jgħid li jinsab “ċert li l-Gvern se jassigura li b’xi mod se tkompli tingħata xi forma ta’ għajnuna”.