Awdjo: “F’Settembru mhux se nqassmu ġugarelli elettroniċi” – Dr Evarist Bartolo

Il-ġimgħa d-dieħla, il-Ministeru tal-Edukazzjoni mistenni jħabbar il-lista ta’ dawk l-iskejjel primarji li mis-sena d-dieħla se jkunu qed jieħdu sehem fi proġett pilota fl-użu tat-tablets.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-għan tat-tablets m'huwiex li jitqassmu ġugarelli elettroniċi fl-iskejjel, iżda li jgħinu fil-proċess edukattiv jiġifieri t-tisħiħ tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u x-Xjenza.
Dr Bartolo qal li l-ewwel it-tablets se jitqassmu lill-għalliema u fix-xhur li ġejjin l-għalliema involuti se jingħataw it-taħriġ.
Dan filwaqt li mbagħad fis-sena skolastika li jmiss, it-tablets jitqassmu lit-tfal fl-istess skejjel li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu tqassmu t-tablets lill-għalliema.
Hu mifhum li wara sena tal-proġett pilota tat-tablets, f’Settembru 2015, dan il-proġett edukattiv isir wieħed nazzjonali.
Dr Evarist Bartolo kompla jgħid dwar l-importanza li “jintrebaħ l-involviment sħiħ u ħaj tal-għalliema” hekk kif hu importanti li l-għalliema jħossuhom familjari u komdi bl-użu tat-tablets.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qal li ladarba l-għalliema jħossuhom familjari bl-użu tat-tablet, imbagħad jittieħed il-benefiċċju għax tintuża l-għodda teknoloġika fil-klassi.