Awdjo: €5m Puttinu: Il-Ministru jmeri lill-PM; membri tal-Bord b’verżjoni differenti

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna llejla mera dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ filgħaxija waqt Xarabank, li d-donazzjoni ta’ €5 miljun li l-Gvern ta lil Puttinu Cares ġew mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.

Fil-messaġġ tiegħu fuq Facebook, Edward Scicluna qal li l-€5 miljun għal Puttinu Cares mhux ġejjin mill-Fond għaċ-Ċittadinanza, imma mill-Baġit.  Dan il-messaġġ tneħħa ftit wara.
Waqt il-programm ta’ ġbir ta’ fondi għal Puttinu Cares, permezz ta’ kollegament telefoniku, il-Prim Ministru qal li l-Gvern tkellem mal-Fond għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (NDSF) li jamministra l-flus li jidħlu mill-bejgħ tal-passaporti. Qal li “dawn qablu li jgħinu”.
Iċ-Ċermen tal-Bord taċ-Ċittadinanza jgħid li ġiet diskussa; membru jgħid li mhux minnu
Madanakollu, meta kkuntattja liċ-Ċermen u lil wieħed mill-membri tal-NDSF, Newsbook.com.mt irċieva reazzjonijiet kunfliġġenti.  Filwaqt li ċ-Ċermen qal li d-donazzjoni ngħatat fuq talba tal-Gvern, wieħed mill-membri tal-Bord ta’ Governanza tal-NDSF, qal li d-donazzjoni qatt ma ġiet diskussa.
Ma’ Newsbook.com.mt, iċ-Ċerpersin tal-NDSF David Curmi qal li mhux se jwieġeb dawn id-domandi, meta mistoqsi dwar id-data meta ttieħdet id-deċiżjoni.
Iżda saħaq li d-deċiżjoni li l-NDSF tagħti dik is-somma lil Puttinu kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Fondazzjoni kkonċernata hija fondazzjoni nazzjonali li jista’ jibbenefika minnha kulħadd.
Fi kliem Curmi, id-deċiżjoni ttieħdet fuq suġġeriment tal-Gvern u għax il-fondazzjoni hi nazzjonali, fis-sens li ma kinitx tikkonċerna grupp partikolari ta’ nies jew lokalità. Skont Curmi, l-NDSF qiegħed hemm biex jagħmel dawn it-tip ta’ inizjattivi.
Curmi qal li ma setax jiżvela meta ttieħdet id-deċiżjoni “għax kienet kwistjoni interna”, affarijiet li skont hu ma jistax jgħidhom fil-pubbliku. Irrimarka li eventwalment il-fond joħroġ rapport pubbliku, dwar meta u kif ħa deċiżjonijiet b’rabta ma’ diversi inizjattivi. Iddeskriva dan bħala “transparenza assoluta”.
“M’hemm xejn x’jinħeba” – David Curmi
Curmi qal li “f’ħin propizju, kollox ikun b’mod trasparenti ħafna.” Skont Curmi, m’hemm xejn x’jinħeba. Qal li ma jistax jifhem għalfejn qamet kontroversja dwar id-donazzjoni ta’ €5 milljun lil Puttinu.
Pressat dwar lil min għandhom jintbagħtu l-mistoqsijiet dwar id-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni, Curmi ssuġerixxa li jintbagħtu liċ-Ċerpersin tal-NDSF. Meta Newsbook.com.mt fakkru li huwa stess kien qed jokkupa dik il-kariga, Curmi qal li ma setax iwieġeb id-domanda. Qal li se jgħid lill-pubbliku meta toħroġ l-istqarrija tal-fond.
“Qatt ma ġiet diskussa” – John Bencini
Min-naħa l-oħra,  John Bencini, li huwa membru fuq il-bord tal-governanza tal-NDSF, qal li d-donazzjoni tal-€5 miljun lil Puttinu Cares “qatt ma ġiet diskussa” fil-laqgħat li għalihom kien preżenti. Qal li l-bord jiltaqa’ ta’ sikwit. Qal li ma kienx preżenti għal-laqgħa li saret fi Frar, però qal li kien preżenti għal-laqgħa ta' Marzu.
Id-donazzjoni ta’ €5 miljun mill-Gvern lil Puttinu Cares qajmet kontroversja, fejn fuq il-mezzi soċjali kien hemm reazzjonijiet diversi, min ifaħħar u min iħossu insulentat.