Awdjo: “€1,000 fix-xahar impossibbli; bżonn dormitorju” – studenti Għawdxin

Kera ta’ €1,000 fix-xahar hija impossibbli li titħallas mill-istudenti Għawdxin skont is-Segretarja tal-Informazzjoni tal-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG), Jessica Said, li temmen li s-soluzzjoni hija dormitorju.
Said qalet ma’ Newsbook.com.mt li fl-Imsida minn sena għall-oħra qed jogħlew il-prezzijiet tal-kera. L-istudenti mhux qed ilaħħqu mal-ispejjeż.
Spjegat li s-sussidju tal-Gvern ta’ €500 kull tliet xhur mhuwiex biżżejjed. Il-Gvern qal lill-GUG li jekk jiżdied is-sussidju, tispiċċa terġa’ tiżdied il-kera.
Fi stqarrija, il-GUG qalet li riċentement, studenta partikolari kitbet fuq Facebook li qed tgħix fi blokok ta’ appartamenti li qisom il-favelas ta’ Rio de Janeiro. Il-GUG qalet li l-kumment tal-istudenta qanqal l-appoġġ ta’ armata ta’ kummentaturi rrabjati.
Għall-GUG l-aħjar soluzzjoni hija li jinbena dormitorju għall-istudenti. Dan jista’ jkollu kmamar li jinqasmu bejn l-istudenti b’kamra tal-banju u kċina għal kull sular. Skont Said, il-prezz għal dawn il-kmamar għandu jkun skont is-sussidju tal-Gvern.
Said qalet lil Newsbook.com.mt li jekk is-sistema tat-trasport pubbliku titjieb, jaf ikun hemm ukoll studenti Għawdxin li jitħajru jaqsmu l-fliegu kuljum.
Qalet li bħala għaqda jippruvaw joħorġu stqarrijiet u jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet però, stqarret li s’issa għadhom ma ngħatawx xi tip ta’ garanziji.