Awdjo: Esperti Ewropej f’Malta dwar l-edukazzjoni tal-priġunieri

B’kollaborazzjoni ma’ Programme for Education in Prisons, il-Fakulta’ tal-Edukazzjoni tal-Universita’ ta’ Malta se torganizza laqgħa ta’ ġimgħa għal madwar 40 esperti Ewropej proprju fuq ir- riabilitazzjoni u l-edukazzjoni fil-faċilitajiet korrettivi.

F’kummenti li ta lil Newsbook, Dr Joseph Giordmaina qal li l-għan tar-riabilitazzjoni f’dawn il-faċilitajiet korrettivi madwar l-Ewropa hu li flimkien jiġu diskussi esperjenzi varji. Permezz tagħhom imbgħad jaraw x’jista’ jinħadem aħjar kif ukoll jitkellmu dwar x’jinftiehem b’ “edukazzjoni fil-ħabs”.

Mistoqsi minn Newsbook dwar l-aspett spiritwali tar-residenti fil-faċilitajiet korrettivi, Dr Giordmaina qal li hemm bżonn li dan ikun indirizzat fil-laqgħa. Qal li din hija parti importanti fejn il-bniedem ikun qed ifittex lilu nnifsu.

Aktar minn laqgħa b’stil ta’ lekċer, Dr Giordmaina qal li din il-laqgħa se tkun waħda informali fejn dawk preżenti jkollhom il-possibiltà jieħdu sehem.

Matul din il-laqgħa se jiġu diskussi wkoll terapiji innovattivi oħra bil-għan li jwasslu għal suċċess ta’riabilitazzjoni fit-tul. Il-parteċipanti tal-laqgħa se jkollhom ukoll iċ-ċans jżuru l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn hemmhekk jaraw x’servizzi hemm offruti kif ukoll ikellmu lir-residenti tal-faċilità.