Awdjo: Erba’ persuni li ma nafx salvawli ħajti – omm

Filwaqt li ta' sikwit nisimgħu dwar l-għoti tad-demm, ftit nisimgħu dwar min ikun qed igawdi minn dan il-ġest nobbli.
Ma' Newsbook.com.mt Miriam Callus irrakkuntat kif 15-il sena ilu, meta daħlet l-isptar qabel iż-żmien biex twelled lil binha, ma kinux jafu li kellha d-demm baxx.
Kompliet tgħid li wara li welldet lit-tifel u tellgħuha fis-sala, beda jagħtiha ħass ħażin kull meta ppruvat tqum mis-sodda.
It-tobba tawha parir li tieħu d-demm, għax inkella kienet se tqatta' tliet ġimgħat rikoverata sakemm terġa' tieħu saħħitha lura.
Iżda Miriam qalet li bħala omm ta' tarbija tat-twelid u omm ta' tifla ta' sitt snin ma setgħetx tagħmel dak iż-żmien kollu ġo sodda, għax il-familja tiġi l-ewwel.
Wara li tawha erba' boroż demm, Miriam ħasbet dwar min setgħu kienu d-donaturi li għadha grata lejhom sal-lum.
Temmet tgħid li llum it-tifla tagħha tagħti d-demm għax proprju għaddiet minn din l-esperjenza. Saħqet dwar l-importanza li persuna tagħti d-demm, għax ma tafx meta se tiġi bżonnu.
Hekk kif illum qed jitfakkar Jum id-Demm, dawk li jixtiequ jagħtu d-demm jistgħu jmorru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, li jiftaħ kuljum bejn it-8am u s-6pm. Illum iċ-ċentru se jagħlaq fil-5pm.  

Ritratt: Arkivji