Awdjo: “Eluf ta’ ewro fi spejjeż għall-Knisja wara l-ħsarat tas-sajjetta”

Dun Wistin Vella qal li għalkemm għadu kmieni biex issir stima preċiża tal-ħsara li kkawżat sajjetta li laqtet lill-Knisja ta’ Santa Tereża f’Birkirkara, jgħid li l-ispejjeż żgur se jlaħħqu eluf ta’ ewro.
Ma’ Newsbook.com.mt, Dun Wistin jirrakkonta dwar kif nhar it-Tlieta li għadda waqt il-Quddiesa tas-6.45am, faqqgħet sajjetta kbira li qatgħet il-provista tal-elettriku filwaqt li kkawżat ħsarat fl-apparat tal-Knisja.
Isemmi kif saret ħsara kbira fis-sistema tal-PA tal-Knisja, li jgħid li meta nxtrat kienet tiswa mat-€30,000.
Minħabba l-maltemp qawwi ta’ nhar it-Tlieta, meta s-sajjetta laqtet lill-knisja, fiha kien hemm biss ħames persuni flimkien mal-qassis.
Qal li l-Knisja kellha tingħalaq mal-ewwel għaliex minbarra li nqata' d-dawl, iġġammja wkoll il-ġeneratur filwaqt li splodew xi plakek tad-dawl.
Telqu wkoll is-sistemi tal-internet u tat-telefonija tal-Knisja.
Meta mistoqsi dwar jekk is-sitwazzjoni ġietx lura għan-normal, Dun Wistin qal li kellu jikri apparat temporanju minflok is-sistema tal-awdjo biex ikomplu għaddejin il-funzjonijiet reliġjużi.
Temm jgħid li partijiet tal-Knisja għadhom ma jistgħux jinxtegħlu.