Awdjo: “Elezzjoni bikrija għal mandat b’saħħtu biex tinnegozja mal-UE” – ekseditur

L-eks editur tas-Sunday Times of Malta Laurence Grech qal li l-Prim Ministru Ingliż Theresa May sejħet elezzjoni bikrija biex ikollha saħħa parlamentari waqt in-negozjati ta’ Brexit.
F'kumment waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Grech qal li għalkemm il-partit ta’ May għandu l-maġġoranza fil-Parlament, hi trid mandat b'saħħtu biex tinnegozja mal-Unjoni Ewropea.
Skont Grech, l-Oppożizzjoni Laburista ta’ Jeremy Corbyn lesta tiffaċċja elezzjoni ġenerali għax ħafna nies li vvutaw favur Brexit issa reġgħu bidlu fehmithom. Żied jgħid li b'hekk hemm iċ-ċans li jivvutaw favur il-partit tiegħu.
Saħaq li riżultat ta’ dan, jekk l-Oppożizzjoni Laburista tirbaħ l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej, ikun hemm ċans li jsir referendum ieħor dwar jekk Brexit għandhiex isseħħ.
Waqt l-intervista, Grech qal li fil-kampanja ta’ Brexit kien hemm ħafna gideb li l-poplu Ingliż issa fetaħ għajnejh għalih.
Grech sostna wkoll li l-Iskozja vvutat bi ħġarha li tibqa’ fl-UE u issa qed issaħħaħ l-id ta’ dawk li jridu l-indipendenza tal-Iskozja mir-Renju Unit.