Awdjo: Eks-Whip jiddubita għandux ikun hemm Whip

Id-Deputat Godfrey Farrugia staqsa x’sens għad għandu l-irwol tal-whip tal-gruppi parlamentari f’soċjetà moderna, miftuħa u libera fejn kulħadd għandu d-dritt fundamentali tal-espressjoni.
Ma’ Newsbook.com.mt Farrugia qal li wasal iż-żmien li wieħed iħares lejn l-irwol tal-whip mill-qiegħ kif fil-fatt qiegħed isir f’Westminister fir-Renju Unit.
Farrugia, eks-Whip tal-Partit Laburista, qal li jinsab kuntent li hu membru ta’ partit li ma għandux whip, ma għandux ħsieb li jkollu whip u għalhekk kull liġi qiegħed jaraha mill-aspett ta’ kuxjenza.
“Is-siġġu parlamantari huwa tad-deputat u mhux tal-partit”
Godfrey Farrugia kompla jgħid li fil-Parlament qed iqumu ċirkostanzi fejn jemmen li d-deputat għandu jingħata aktar libertà li jivvota skont il-kuxjenza dwar klawsoli jew liġi sħiħa.
Fakkar li d-deputati jieħdu ġurament lejn ir-realtà ta’ Malta u lejn il-ġid komuni u lejn l-ebda partit. Għalhekk saħaq li s-siġġu parlamentari huwa tad-deputat u mhux tal-partit li jkun tela’ fuq il-lista tiegħu.
Mistoqsi jispjega f’liema ċirkostanza jaqbel li jingħata l-vot ħieles, Godfrey Farrugia, l-ewwel u qabel kollox, semma klawsoli jew liġijiet li jkollhom x’jaqsmu mad-dritt fundamentali tal-ħajja.
 “Id-diversità mhux qed tkun irrispettata”
Dwar il-Liġi taż-Żwieġ, Farrugia qal li d-deputati kellhom jingħataw il-vot ħieles biex jivvutaw skont il-kuxjenza dwar klawżola 32.
Din il-klawżola tagħti eċċezzjoni liċ-ċelebrant reliġjuż li jkun qed imexxi ċ-ċerimonja taż-żwieġ, biex isejjaħ lill-għarus u l-għarusa “marti” u “żewġi.” Minkejja dan, fil-liġi ċivili nnifisha, mhux se jkun hemm għażla għall-membru tas-soċjetà li jista’ jsejjaħ lill-persuna li se jiżżewweġ “marti” jew “żewġi.” Dan bilfors se jissejjaħ “konjuġi.”
Farrugia qal li waqt li din il-Liġi l-ġdida qed tiċċelebra l-ugwaljanza, id-dritt tal-għażla ma ngħatax u għalhekk saħaq li d-diversità mhux qed tkun irrispettata.
“Id-dritt tal-għażla ma ngħatax biex joħloq konfużjoni fl-Oppożizzjoni”
Kien hawn li l-eks-Deputat Laburista qal li għandu suspett li dan id-dritt ma ngħatax, b’sens ta’ “malizzja” u “qerq” biex joħloq konfużjoni fl-Oppożizzjoni.
“Id-dritt tat-tfal għandu jirbaħ fuq kollox”
Klawżola oħra li fi kliem Godfrey Farrugia hija xotta hija dik numru 72 li titkellem fuq id-drittijiet tat-tfal. Fi kliem Farrugia, id-dritt tat-tfal għandu jirbaħ fuq kollox anke fuq dawk tal-ġenituri stess.
Id-deputat Farrugia qal li l-mod kif inhi miktuba l-liġi tista’ tnaqqas id-drittijiet tat-tfal u għalhekk, fi kliemu, jekk dan huwa minnu, din il-klawżola hija żbaljata.
Fakkar fl-appell li kien għamel fil-Parlament biex meta l-Kumitat Parlamentari jiddiskuti klawżola klawżola, ikun magħżul kliem aktar addattat.
“Ma jidhirx li dan kien l-ispirtu tal-Gvern”
Iżda qal li għalkemm l-Oppożizzjoni ressqet diversi emendi dwar dawn iż-żewġ klawżoli, il-Gvern lanqas biss ta ċans lill-membri tal-Kumitat biex iressqu u jispjegaw l-oġġezzjonijiet tagħhom.
Mitlub jirreaġixxi għall-kummenti ta’ Edwin Vassallo li din il-Liġi se twitti t-triq “biex fil-futur il-Gvern ibagħbas mal-ħajja,” Farrugia qal li hu dejjem iddefenda l-ħajja, u li din kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn irreżenja mill-Partit Laburista.
“Din il-Liġi ma tmissx mad-dritt fundamentali tal-ħajja”
Minkejja dan, Farrugia qal li ma jaqbilx mal-kumment ta’ Vassallo għax fi kliemu din il-Liġi ma tmissx mad-dritt fundamentali tal-ħajja.
Spjega li wieħed jeħtieġ jagħmel differenza bejn metodi li jtemmu l-ħajja, u metodi xjentifiċi oħra li jgħinu koppja biex ikollha t-tfal. Fost dawn semma d-donazzjoni tal-bajda tal-mara jew l-isperma.
Mill-banda l-oħra spjega li l-argument huwa totalment differenti bl-iffriżar tal-embrijun li fi kliemu t-teknoloġija ma tistax tiggarantixxi li kull embrijun li hu ffriżat se jibqa’ ħaj.
Fakkar li għalhekk se jkun qed jippreżenta mozzjoni biex jitwaqqaf kumitat favur id-dritt tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.
“Se nivvota favur għax b’mod olistiku l-Liġi hija tajba”
Fl-aħħarnett, mistoqsi kif se jivvota ladarba huwa xettiku fuq dawn iż-żewġ klawżoli li sejħilhom importanti, Farrugia wieġeb li d-dritt tal-ugwaljanza huwa ta’ prijorità fuq l-aspett leġiżlattiv. Saħaq li mill-aspett soċjali xejn mhu se jinbidel għax kulħadd se jibqa’ jsejjaħ lill-ommu “ma” u missieru “pa.”
Qal li meta wieħed iħares lejn il-liġi b’mod olistiku hija Liġi tajba u għalhekk se jivvota favur bħala “bniedem sekulari” imma wkoll “bħala Nisrani” għax fi kliemu twemminu jgħidlu “ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”

Ritratti: Ian Noel Pace