Awdjo: “Effetti gravi fuq it-tfal li ma jistgħux jiksbu ċ-ċittadinanza”

Dr Ruth Farrugia, id-Direttriċi Ġenerali tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ħarsien tas-Soċjetà qalet li t-tfal li jiġu minn pajjiżi, li l-ġenituri tagħhom ma jistgħux imorru lura f’pajjiżhom għax huma refuġjati, isibuha diffiċli li jkollhom l-istatus tal-pajjiż tal-ġenituri tagħhom. Spjegat din is-sitwazzjoni qed tħalli riperkussjonijiet gravi fuq it-tfal.
Fl-isfond tal-konferenza bit-tema Mitlufin fil-Migrazzjoni mill-għaqda Missing Children Europe flimkien mal-Fondazzjoni tal-President, ma’ Newsbook.com.mt Dr Farrugia qalet li t-tfal għandhom ikunu parti f’kull prijorità ta’ kull politika li tkun se tolqothom.
Żiedet tgħid li jeħtieġ li jkun hemm pjan Ewropew għall-awtoritajiet u l-għaqdiet volontarji biex flimkien jaħdmu b’sinerġija għall-ġid tat-tfal.
Dr Ruth Farrugia  qalet li t-tfal għandhom jiġu mgħarrfa bid-drittijiet u dmirijiet u b’dak kollu li jista’ jiġi għal wiċċhom. Żiedet tgħid, li dan bil-għan biex it-tfal ikollhom għażliet x’jagħmlu u jkunu jafu x’inhu ġej. Dan hekk kif it-tfal ma jkollhom ebda idea dwar il-proċeduri tal-pajjiż fejn jaslu u l-prospetti.
L-għan tal-konferenza kien li jiddiskutu dwar it-tfal li jgħosfru meta jkunu qed ifittxu l-ażil.  Fakkret fl-istatistika tal-Europol li turi li mill-anqas 10,000 tifel u tifla għebu fl-2015. Żiedet tgħid li jafu li minkejja din il-figura, l-għadd ta’ tfal mitlufa huwa ħafna akbar.
 “Malta għadha ma ratifikatx il-konvenzjoni dwar il-persuni mingħajr stat”
Id-Direttriċi Dr Farrugia fakkret li Malta għadha ma ratifikatx il-konvenzjoni dwar il-persuni mingħajr stat.
Minkejja dan, qalet li jidher li Malta daqt tirratifika l-konvenżjoni.
Spjegat li b’din il-konvenżjoni l-istatus tat-tfal jinbidel u jkunu jistgħu jieħdu l-istat tagħhom bħal kulħadd.
Fil-jiem li għaddew ir-rappreżentat tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Maqħquda għar-Refuġjati (UNHCR) Malta, Kahin Ismail qal li Malta hi wieħed minn erba’ pajjiżi biss li mhix parti mill-konvezjonijiet.
Huwa għadda dokumenti relatati lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex iressaqhom quddiem il-Parlament.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li d-deċiżjoni dwar dan se tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt li kienet qed tagħlaq il-konferenza, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca semmiet kif għandu jsir kull sforz sabiex kull tifel u tifla jkunu mrawmin, imħarsa u jgħixu ħajjithom b’dinjità.
Qalet li ma nistgħux inħallu r-retorika tal-estremisti b’ideat foloz u perikolużi ta’ patrijottiżmu, iħarbtu l-ġudizzju tal-gvernijiet fil-politika li tolqot l-immigranti.