Awdjo: “Education Plus jgħin lit-tfal fil-ħajja tal-lum”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-kunċett wara Education Plus għandu l-għan li jagħti esperjenza edukattiva lit-tfal biex jgħinhom fil-ħajja kumplessa tal-lum il-ġurnata.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li Education Plus huwa l-proġett li jkompli dak li qed jinbeda fil-klassijiet fl-iskejjel.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li trid komunità shiħa biex teduka tifel jew tifla hekk kif 70% ta’ dak li jinfluwenza l-edukazzjoni jseħħ barra mill-iskola.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal li qed jinbnew nisġa ta’ kuntatti u progetti biex dak li jiġri fl-iskola, jissaħħaħ fil-komunità, hekk kif fi kliemu, ir-responsabilità tal-edukazzjoni mhijiex biss tal-iskejjel iżda ta’ kulħadd.
B’hekk f’diversi setturi qed ikunu żviluppati relazzjonijiet ma’ diversi kumpaniji biex it-tfal u ż-żgħażagħ anke jkollhom esperjenzi diversi ta’ xogħol u taħriġ.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal ukoll li Malta għandha t-tieni l-akbar tkabbir fl-Unjoni Ewropea, bis-swieq tax-xogħol ukoll qed jesperjenzaw tkabbir filwaqt li l-qgħad ta’ 5.8% hu t-tielet l-anqas fl-Unjoni Ewropea.
Qal li din l-inizjattiva hi prova ta’ kemm il-Gvern mhux sodisfatt b’dak li inkiseb ekonomikament fl-aħħar snin, iżda jrid li jinkiseb aktar fil-futur.
Il-Prim Ministru qal ukoll li skont statistiċi maħruġa l-ġimgħa li għaddiet, jidher ċar li bdiet tiġi miġġielda l-problema tal-assentejiżmu fl-iskejjel.

Ritratt: DOI- Clifton Fenech