Awdjo: Dun Mikiel jiddeskrivi l-ewwel donazzjoni bħal miraklu – Dun Cardona

Dar Tal-Providenza

Dun Mikiel Azzopardi kien iddeskriva l-ewwel donazzjoni lejn id-Dar tal-Providenza bħala miraklu li baqa’ jirrepeti ruħu. Dan qalu Dun Lino Cardona li ilu involut fid-Dar tal-Providenza mill-1974 u li rrakkonta mill-ġdid l-istorja ta’ kif Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur, irċieva l-ewwel donazzjoni ġeneruża li wasslet għall-bidu tad-Dar tal-Providenza.

Fr Cardona kien intervistat fuq 103 Malta’s Heart dwar xogħolu u l-memorji tal-ewwel dar f’Malta li bdiet toffri servizzi residenzjali għal persuni b’diżabilità.

Il-proġett beda mix-xewqa ta’ Dun Mikiel Azzopardi li fil-perjodu tas-servizz pastorali tiegħu skopra li kien hemm persuni b’diżabilità li kienu qed jgħixu fi stat ħażin ħafna. F’dak iż-żmien, il-persuni b’diżabilità kienu rredikolati fil-pubbliku jew jintbagħtu fi sptarijiet li ma kinux attrezzati għall-bżonnijiet tagħhom. Dun Mikiel kien iħoss ukoll li diversi familji b’membri li kellhom diżabilità kellhom bżonn urġenti li jsibu persuni li joffrulhom sabar.

L-Arċisqof jiċċelebra l-Quddiesa fid-Dar tal-Providenza:
“Il-lezzjoni tal-lum hija: Aħfer dejjem” – l-Arċisqof

Waqt Is-Siegħa tal-Morda – programm li kien immexxi minn Dun Mikiel fuq ir-Rediffusion – hu kien qasam ix-xewqa u l-viżjoni tiegħu. Waqt li kien fi triqtu d-dar, mara li isimha kien baqa’ mhux magħruf għal diversi snin, tagħtu l-ewwel donazzjoni għall-proġett. Dan sar 55 sena ilu.

Fr Cardona rrimarka li Dun Mikiel qatt ma kien kixef l-isem tal-mara li għamlet l-ewwel donazzjon ta’ Lm 100, possibilment għax hi xtaqet tibqa’ anonima. Iżda riċentament, in-neputi tagħha żvela li isimha kien Agnes Coleiro u kienet spiżjara. Fr Cardona nnota li Mons. Annetto Depasquale kien wieħed min-neputijiet ta’ Coleiro u qal li ma jafx jekk l-Isqof kienx konxju li kienet zitu li għamlet l-ewwel donazzjoni.

Il-qassis li beda x-xogħol pastorali tiegħu fid-Dar tal-Providenza billi jiċċelebra l-quddiesa fil-kappella darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa qal li jiftakar lil Dun Mikiel jiddeskrivi l-ewwel donazzjoni bħala l-ewwel miraklu.

Fl-istess intervista, Fr Cardona ftakar kif meta Mons. Lawrence Gatt kien inħatar bħala direttur tad-Dar tal-Providenza ma kienx fehem x’ried ifisser l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca meta qallu li kien qed jafdah bit-teżor tal-Arċidjoċesi. Mons. Gatt, li kien rettur tas-seminarju dak iż-żmien, ħa f’idejh it-tmexxija tad-Dar tal-Providenza wara Dun Mikiel Azzopardi. It-teżor hija d-Dar tal-Providenza, qal Dun Cardona.

“Ħafna bbenefikaw minn meta fetħet id-Dar tal-Providenza,” sostna l-qassis, fejn qal ukoll li d-dar residenzjali hija t-teżor tal-Knisja ta’ Malta.