Awdjo: Dun Mikiel dejjem tani parir bħala ħija l-kbir – Giovanna Debono

Ma’ Newsbook.com.mt, Giovanna Debono qalet li hi u ħutha jinsabu emozzjonati li ħuhom il-kbir jista’ jkun iddikjarat qaddis.
Dun Mikiel Attard kien il-kbir fost għaxar aħwa, iżda filwaqt li hi kienet iż-żgħira, id-Deputata Nazzjonalista qalet ma’ Newsbook.com.mt li meta kibru l-età ma kinitx ta’ xkiel.
Irrakkuntat li għal prima messa ta’ ħuha, hi kellha biss sentejn u nofs.
Giovanna Debono qalet li bħala familja kellhom tfulija bħal ta’ ħaddieħor u li d-dar qatt ma kienet vojta.
Filwaqt li missierhom kien deputat tal-Partit Nazzjonalista għal 25 sena, Dun Mikiel kien joqgħod il-bogħod mill-politika. Giovanna Debono ddeskriviet lil ħuha bħala persuna li kien jinteressa ruħu fl-aspett soċjali.
Meta l-Membru Parlamentari Nazzjonalista ddeċidiet li toħroġ għal politika, Dun Mikiel kien qalilha biex tagħti sehemha għall-pajjiż, u dejjem “kienet tqis il-parir tiegħu”.
Bħalha saċerdot, Giovanna Debono qalet li ħuha kien imfittex kemm mill-adulti kif ukoll miż-żgħażagħ hekk kif l-uffiċċju tiegħu kien miftuħ għal kulħadd. Semmiet li kienet ħaġa normali li jiġu jfittxuh in-nies għall-għajnuna tard bil-lejl jew kmieni filgħodu. 
Temmet tgħid li ħuha kien bniedem determinat u li ma kellux dubju dwar dak li jixtieq jagħmel f’ħajtu. 
Waqt quddiesa lbieraħ filgħaxija fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fetaħ uffiċjalment l-inkjesta Djoċesana biex Dun Mikiel Attard, mid-Djoċesi ta' Għawdex, għad ikun iddikjarat qaddis.