Awdjo: Drenaġġ mhux imsaffi jispiċċa fil-baħar

Il-baħar imniġġeż fl-inħawi ta’ Ras il-Ħobż fix-Xewkija fejn hemm l-Impjant għat-Tisfija tad-Drenaġġ mhux biss qed iħalli impatt fuq l-ambjent naturali, iżda wkoll fuq il-kwalità tal-ilma f’żoni importanti għas-settur tad-diving.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt, il-bijologu marittimu Dr Alan Deidun, wara li aktar kmieni llum tella’ ritratt fuq il-profil ta’ Facebook tiegħu, li juri l-kwalità tal-ilma baħar.  

Huwa spjega kif probabilment il-baħar qed jitniġġeż minħabba li d-drenaġġ qed joħroġ fil-baħar qabel ma jiġi trattat.

Dr Deidun qal li meta d-drenaġġ jissaffa, dak li joħroġ mill-pajpjiet għal ġol-baħar ikun trasparenti.

Huwa appella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni immedjata jekk dan huwa riżultat ta’ ħsarat fl-impjant, sabiex il-kwalità tal-ilma titjieb mill-aktar fis.

Spjega kif ftit tal-ġimgħat ilu kien qed jogħdos fl-inħawi ta’ Mġarr ix-Xini u nnota li l-kwalità tal-ilma ma kinitx mill-aħjar.

Qal ukoll li jinsab infurmat li xi ġimgħat ilu kienu saru xi tiswijiet fl-istess impjant, iżda m’għandux dettalji dwar jekk dan hux relatat.

Il-bijologu marittimu saħaq li l-kwalità tal-baħar qed taffettwa wkoll lit-turisti li jmorru fl-inħawi biex jgħoddsu, hekk kif fis-snin li għaddew fl-istess żona ġew mgħarrqa tliet vapuri fosthom l-MV Xlendi u l-Karwela. Dan minbarra l-għadd ta’ turisti li jidħlu fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini fuq id-dgħajjes biex jgħumu.

Ir-ritratt li ttieħed fil-jiem li għaddew mill-għaddas tekniku u lekċerer l-Università Matthew Montebello, inġibed f’fond ta’ 65 metru, jiġifieri madwar 20 sular.