Awdjo: “Dik karità għalija…aħjar mill-flus”

Carmelo Galea, il-Ġwanniż ta' 66 sena li s'issa ta 100 donazzjoni ta' demm, tenna li l-frażi li wasslitu biex jagħti d-demm kienet “mur agħmel karità”.
Ma’ Newsbook.com.mt, Carmelo rrakkonta dwar meta ta d-demm għall-ewwel darba. Kien propju sieħbu fuq il-post tax-xogħol li ħeġġu biex jagħmel dan il-ġest. Stqarr li minħabba li kienet ġurnata normali tax-xogħol, l-imgħallem tah iċ-ċans li jsarraf din ix-xewqa f’realtà.

“Dik karità għalija…aħjar mill-flus” – dan kien il-kliem li jżomm quddiem għajnejh, biex b'motivazzjoni kull tliet xhur jagħti d-demm.
Carmelo spjega l-proċess li involva biex seta’ jagħti d-demm u b’sodisfazzjoni kbir mexa mal-parir li tawh is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm li qalulu: “darb’oħra erġa’ ejja.”
B’dispjaċir kbir itenni li “xtaqt nagħti iżjed” għax dalwaqt se jkollu jagħti l-aħħar donazzjoni tiegħu.
B’mod pożittiv jistqarr li l-ġest tiegħu wasslu biex sħabu jagħmlu l-istess att ta’ karità u saħansitra wieħed minnhom baqa’ għaddej sa ma kellu madwar 60 sena u llum għandu 90 sena!