Awdjo: Dewmien mill-awtoritajiet għax-xiri ta’ propjetà ġdida f’Londra – Puttinu Cares

"Qed ikollna ngħidu lill-pazjenti li aħna full up"

Puttinu Cares

Puttinu Cares qed ikollha tirrifjuta lil pazjenti bil-kanċer li jitilgħu Londra għal trattament billi m’għandhiex post għalihom fil-25 appartament li għandha fl-Ingilterra.

Dan qalu Rennie Zerafa, il-fundatur ta’ Puttinu Cares, waqt intervista ma’ Jes Saliba fuq 103.

Huwa spjega li Puttinu Cares ilha tfittex binja fiċ-ċentru ta’ Londra għal erba’ snin, u huwa diffiċli biex wieħed isib binja addattata bil-permessi kif meħtieġa u bla ċens. Fl-aħħar, din il-binja nstabet, iżda l-awtoritajiet “qegħdin joħduha bil-mod” biex jakkwistaw din il-binja biex fiha jospitaw lill-pazjenti morda li jmorru Londra għal xi trapjant jew operazzjoni.

25 appartamenti ta Puttinu huma kollha mimlijin bil-pazjenti. Sfortunatament kuljum qeghdin jitilghu pazjenti u m’ghandix fejn inpogguhom.

Posted by Puttinu Cares on Wednesday, September 9, 2020

Rennie qal li qabel il-pandemija tal-coronavirus, kienu qegħdin jitilgħu bejn 60 u 90 pazjent fix-xahar, iżda dawn naqsu meta feġġ il-coronavirus. Madankollu, l-appartamenti ta’ Puttinu Cares xorta waħda huma mimlijin minħabba li jridu jqisu l-miżuri għat-trażżin tal-imxija u ma jaċċettawx wisq nies f’appartament wieħed. Meta xi ħadd jasal l-Ingilterra, irid jagħmel ġimagħtejn kwarantina wkoll, allura ma jkunx jista’ joqgħod ma’ min diġà jkun qiegħed hemm.

Huwa stqarr li l-iktar ħaġa ta’ diqa hija li ma jistgħux jaqdu lil dawn in-nies fil-bżonn billi jipprovduhom bi propjetà, peress li issa l-binjiet tagħhom huma mimlijin. L-iskema li Puttinu Cares isib propjetà għal dawk fil-bżonn f’Londra kienet tnediet biex ittaffilhom ftit mill-piż u l-istress li jkunu għaddejjin minnu meta jkunu qed jaffaċċjaw mard serju, iżda issa, minħabba din is-sitwazzjoni, il-piż qed ikollhom jerfgħuh il-pazjenti stess. L-inkwiet ta’ Puttinu Cares, stqarr Rennie ma’ Newsbook.com.mt, huwa li issa, il-propjetà li damu erba’ snin ifittxu, se tilħaq tintilef peress li l-awtoritajiet qegħdin idumu biex jakkwistawha.

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar din is-sitwazzjoni, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu għadu ma rċeviex tweġiba.

Fl-2018, waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi li saret f’Xarabank għal Puttinu Cares, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, kien ta donazzjoni ta’ €5 miljun f’isem il-Gvern, li kellhom ikunu ta’ għajnuna sabiex jinbeda l-proġett biex jakkomoda lil dawk kollha li jitilgħu Londra għall-kura f’appartament viċin tal-isptarijiet.