Awdjo: Dealers ‘illegali’ tal-karozzi jinqdew qabel dawk reġistrati

Sidien ta’ ħwienet li jbiegħu karozzi użati huma urtati għas-servizz li qed jingħataw minn Transport Malta, fejn fost l-intoppi li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom hemm id-dewmien li jesperjenzaw biex jinqdew mill-uffiċini fil-Floriana.

Sid ta’ wieħed minn dawn il-ħwienet, qal ma’ Newsbook.com.mt li meta d-dealers tal-karozzi jmorru biex jirreġistraw il-vetturi, isibu biss impjegat wieħed li jaqdihom, waqt li f’sala oħra fejn jinqdew is-sidien ta’ vetturi privati jew dealers bla permess u mhux reġistrati jsibu jaqduhom tliet jew erba’  impjegati.

Kif inhi l-prattika llum, ħafna mis-sidien ta’ dawn il-ħwienet, ikollhom imorru l-uffiċini ta’ Transport Malta, iħallu ċekk miftuħ imbagħad jerġgħu imorru l-għada biex jiġbru l-liċenzji.
Dan is-sid qal li meta l-klijenti jmorru biex jixtru karozza, ikunu jridu jinqdew fil-pront u dan id-dewmien żejjed qed itellef il-bejgħ u jurta lill-klijenti. Qal ukoll li din il-prattika tagħti vantaġġ lil min qed jaġixxi ta’ dealer b’mod illegali, għaliex min imur bħala sid privat, jinqeda mill-ewwel minn sala separata.
Semma wkoll li meta jbiegħu il-karozzi, id-dealers huma mġiegħla jistennew sabiex tinħareġ il-liċenzja, u dan iwassal biex il-bejgh ma jsirx mill-ewwel. B'konsegwenza ta' hekk, il-klijent ma jkunx jista' jieħu l-karozza dak il-ħin li jixtriha minħabba li huwa llegali li ssuq mingħajr ma jkollok il-liċenzja mwaħħla mal-windscreen.
Semma kif din il-prattika, qed ittellef eluf ta’ ewro lis-sidien ta’ dawn il-ħwienet u toħloq kompetizzjoni inġusta.