​Awdjo: David Casa jirrapporta l-AĠ lill-UE

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa talab l-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea, wara li dalgħodu ġie żvelat kif l-Avukat Ġenerali qed juża r-raġuni tas-sigurtà nazzjonali, biex jaħbi affidavit li sar minn eksinvestigatur tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).
Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt, li David Casa bagħat imejl lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, fejn talbu l-appoġġ li għandha bżonn Malta, fl-isfida biex issalva s-Saltna tad-Dritt.
Fl-imejl lil Timmermans, Casa għaddielu ħolqa tal-artiklu ppubblikat fuq The Times dalgħodu.
Fl-istess għodwa, fil-programm Newsline fuq RTK,  Dr Jason Azzopardi, li huwa l-avukat tal-eksimpjegat tal-FIAU Jonathan Ferris, spjega kif dak li jrid l-Avukat Ġenerali Peter Grech imur kontra l-interess tal-ġustizzja.
Huwa rrefera għat-talbiet tal-Avukat Ġenerali Peter Grech biex:

  1. Il-kawża fit-tribunal industrijali fil-konfront ta’ Ferris tinstema’ fil-magħluq,
  2. L-affidavit tiegħu ma jkunx parti mill-proċess għax jipperikola s-sigurtà nazzjonali,
  3. U li Ferris ikun ipprojbit milli jagħti intervisti lill-midja

F’Ġunju tas-sena l-oħra, Jonathan Ferris ġie infurmat li ntemmlu l-impjieg tiegħu mal-FAIU meta kien għadu fuq probation.
Sadanittant, fuq twitter, l-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qal li minflok jiddefendi liċ-ċittadini li jobdu l-liġi, l-AĠ qed jiddefendi l-kriminali. Saħaq li għalhekk għandu jirriżenja, inkella se tibqa’ ssir insistenza.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li dak li ġie żvelat illum huwa prova, jekk fi kliemu xi darba kien hemm bżonnha, “li qed ngħixu fi stat ta’ mafja”.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Min-naħa tagħha, l-MP Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li din hi raġuni oħra għaliex l-AĠ għandu jirriżenja. Sostniet li Malta jixirqilha aħjar u staqsiet kieku x’tgħid Daphne Caruana Galizia quddiem dan kollu.