Awdjo: Dar Merħba Bik titlob l-għajnuna biex toffri sigurtà lir-residenti

Bħalissa qed jitħejjew pjanijiet għal dan il-passaġġ f’Dar Merħba Bik, li permezz tiegħu, ir-residenti jkollhom aktar sigurtà u privatezza.

Newsbook.com.mt tkellem mad-direttur tad-dar Sr Margaret Gonzi qalet li bħalissa għandhom pjanijiet li jagħmlu passaġġ ħdejn il-bieb ta’ barra ta’ Dar Merħba Bik.
Illum il-bieb jagħti għal fuq bankina dejqa, kif ukoll triq traffikuża.
S’issa, qalet Sr Margaret, mar sar l-ebda inċident tat-traffiku iżda jixtiequ li jevitaw li jsir wieħed aktar ‘il quddiem.
Dar Merħba Bik ilha tilqa’ fiha nisa’ abbużati mill-1980, u tagħti kenn ukoll lit-tfal ta' dawn in-nisa'.
F’din id-dar, in-nisa’ jkollhom iċ-ċans jerġgħu jibdew ħajjithom mill-ġdid.
Il-passaġġ għalhekk se jkompli joffri aktar sigurtà lin-nisa’ hekk kif se jkun hemm post fejn jipparkjaw il-karozzi, kif ukoll bieb għall-ommijiet biex ma jgħaddux bit-tfal direttament għal fuq it-triq.
Is-sigurtà u l-privatezza fi kliem Sr Margaret huma importanti għar-residenti tad-dar.
Is-sorijiet tal-Bon Pastur għalhekk qed jappellaw għall-għajnuna finanzjarja tal-poplu Malti.
F’ittra li bgħatu s-sorijiet qed jagħtu informazzjoni dwar il-fondazzjoni tagħhom filwaqt li jispjegaw x’jinvolvi l-proġett li jmiss. 
Id-direttur tad-dar qalet li mhux l-ewwel darba li jkollhom donazzjonijiet ta’ ikel fost affarijiet oħra.
Temmet tgħid li jinsabu grati tal-kooperazzjoni li dejjem sabu mill-benefatturi u l-voluntiera tagħhom, filwaqt li t-talb m’għandux jonqos.
Wieħed jista’ jagħmel donazzjoni billi jibgħata lil Dar Merħba Bik 130, Triq Birbal Balzan, BZN 9014.