Awdjo: “Dan hu xogħol kompatibbli mal-missjoni li għandi fil-Knisja ta’ Malta”

L-Amministratur Appostoliku Charles Scicluna qal li l-ħatra ġdida tiegħu mill-Papa bħala President ta' Kummissjoni Speċjali, hija kompatibbli mal-ħidma tiegħu fil-Knisja ta' Malta.
Mistoqsi kif dan ir-rwol jaffetwa l-ħidma tiegħu possibilment u eventwalment bħala Arċisqof ta' Malta, l-Isqof Scicluna qal li din l-għażla hi f'idejn il-Papa, li fi kliemu "meta jasal il-ħin jiddeċiedi hu lil min irid jaħtar". 
Ma' Newsbook.com.mt, l-Isqof Scicluna spjega li bil-ħatra l-ġdida mhux se jkollu bżonn imur Ruma iktar spiss.
Dan għaliex darba f'xahar huwa diġà jattendi għal-laqgħa tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan. 
Waqt li jkun Ruma, l-Isqof Scicluna se jibda jmexxi laqgħat tal-Kummissjoni, magħmula minn Kardinali u Isqfijiet, li tiddeċiedi l-każi li jiġu ppreżentati lilha fi stadju ta' appell.
Għal għaxar snin qabel ma nħatar Isqof Awżiljarju ta' Malta f'Novembru 2012, l-Isqof Scicluna kien jaħdem fuq każi imressqa quddiem il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan.