​Awdjo: Damiġella li ssibha biss f’Malta, Sqallija u Sardinja

Jissejħu “mazzarell” iżda ħafna nies isibuhom bħala ‘dragonflies’ jew ‘ħelikopters’.
Dawn huma nsetti sbieħ mimlija kuluri u li baqgħu jevolvu fl-aħħar 20 sena. Dan joħroġ minn riċerka li saret mil-lekċerer tal-bijoloġija Godwin Degabriele li analizza il-bidliet fl-abitat, fil-klima u fin-numru ta’ speċi ta’ mazzarell li jinsabu fil-gżejjer Maltin.
Ma’ Newsbook.com.mt, Godwin Degabriele jgħid li filwaqt li sa 20 sena ilu kien hemm xi 12-il speċi differenti ta’ mazzarell, illum dawn żdiedu għal 17. Jispjega li dan huwa dovut l-iktar minħabba li ċerti speċi tal-mazzarell ġew mill-kontinent Afrikan u dak Ażjatiku u li spiċċaw biex addattaw ruħhom għall-klima Maltija.
Jgħid li dawn l-insetti għandhom bżonn abitat b’ħafna ilma. Ikompli jgħid li minħabba li f’Malta ma tantx hawn ilma ġieri, ma hawnx xi tip ta’ mazzarell li huwa uniku għal Malta biss.
Madankollu jitkellem dwar id-“damiġella” – speċi ta’ dragonfly – li tinsab biss f’Malta, fi Sqallija u fil-gżira ta’ Sardenja fl-Italja.
Il-ktieb bl-isem “An overview of the dragonflies and damselflies of the Maltese Islands” inħareġ bl-għajnuna tas-Soċjetà Entomoloġika ta’ Malta.