Awdjo: Dalli jitlob laqgħa mad-delegazzjoni tal-MEPs li ġiet Malta

L-Ewroparlamentari Portugiża, Ana Gomes, żvelat ma’ Newsbook.com.mt li fil-jiem li ġejjin id-delegazzjoni tal-PANA/LIBE li ġiet Malta f’Diċembru li għadda, se tiltaqa’ mal-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli fuq talba tiegħu biex jagħtihom xi informazzjoni dwar dak li ġew biex josservaw f’Malta.
Dan ġie kkonfermat ukoll minn Dalli nnifsu, għalkemm sostna li għadu ma ġiex ikkuntattjat dwar data fissa meta se ssir il-laqgħa.
Gomes qalet li Dalli bagħtilhom ittra biex jitlob laqgħa mad-delegazzjoni ġimagħtejn ilu.
Id-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari kienet ġiet Malta biex tiġbor informazzjoni sabiex tevalwa humiex qed jiġu osservati l-liġijiet f’Malta, fid-dawl ta’ allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus, u l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fost l-oħrajn id-delegazzjoni kienet ikkonkludiet li dawk il-politiċi li nkixfu mill-Panama Papers, inkella dawk li ssemmew f’rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) b’allegazzjonijiet serji, jitneħħew mill-pożizzjoni tagħhom.
Ma’ Newsbook.com.mt, Gomes, li mexxiet id-delegazzjoni, qalet li tilqa’ t-tweġiba tal-Gvern dwar ir-rapport tagħhom, għax skontha ma jgiddibx dak li sabet id-delegazzjoni.
Iddeskrivietu bħala tweġiba dwar l-interpetazzjoni tal-informazzjoni miġbura, u mhux tal-fatti marbuta magħha.
Fost is-sejbiet ewlenin tad-delegazzjoni kien hemm li l-Pulizija ma ħaditx azzjoni meta tfaċċaw, jew ħarġu rapporti tal-FIAU b’allegazzjonijiet serjissimi fuq persuni esposti politikament.
“Spiċċa konsulent tal-Gvern meta kellu jirriżenja minn Kummissarju Ewropew”
Dwar Dalli, Gomes esprimiet id-diżappunt tagħha li dan spiċċa konsulent tal-Gvern meta kellu jirriżenja minn Kummissarju Ewropew wara rapport mill-FIAU u investigazzjoni mill-OLAF dwar tixħim ta’ flus.
Hawnhekk irrimarkat li wieħed ma jistax jirraġuna li nies b’allegazzjonijiet serji qed jinżammu mill-Gvern għax huma tal-istess fehma politika, għax Dalli kien Ministru għall-Finanzi fi Gvern Nazzjonalista.
Id-delegazzjoni miftuħa għal aktar nies
Gomes stqarret ma’ Newsbook.com.mt li b’dak li ġabru u n-nies li tkellmu ma jistgħux ikollhom stampa ċara u sħiħa tal-qagħda f’Malta, u argumentat li l-kumitat lest jiltaqa’ ma’ aktar nies. Saħqet li kulma hemm bżonn li dawn javviċinawhom.
Talbet ukoll lill-Gvern biex jekk għandu aktar nies li jħoss li jistgħu jikkontribwixxu jinfurmahom.
Meta d-delegazzjoni ġiet Malta ltaqgħet fost l-oħrajn mal-PM, l-FIAU, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), mal-Kummissarju tal-Pulizija u mal-Prim Imħallef.
“X’inhu l-għan tar-rapporti tal-FIAU, jekk ma titteħidx azzjoni?”
Newsbook.com.mt tkellem dwar id-differenza li l-Gvern jagħmel fit-tweġiba tiegħu f’paġna 6, meta jikteb li hemm differenza bejn rapporti tal-FIAU dwar dak li osservaw (compliance reports) u rapporti analitiċi (analytical reports).
Il-Gvern jisħaq li tal-ewwel tip qatt ma jgħaddu għand il-Pulizija għax ma jkunx fihom biżżejjed evidenza biex jissustanzjaw investigazzjoni, u jimplika li d-delegazzjoni straħet wisq fuqhom.
Gomes wieġbet li tifhem li jkun hemm rapporti tal-ewwel tip, bħal meta saret spezzjoni fil-Bank Pilatus, iżda jibqa’ l-fatt li rapporti oħra b’allegazzjonijiet serji m’għaddewx għand il-Pulizija, u l-Avukat Ġenerali m’użax l-influwenza tiegħu biex tiskatta investigazzjoni.
Staqsiet x’inhu l-għan li l-FIAU tiffinalizza rapport meta dan jibqa’ fuq l-ixkaffa.
Azzjonijiet li jfarrku l-kredibbiltà tal-pajjiż
Meta rrimarkat li t-tweġiba tal-Gvern tiżvija mill-kwistjonijiet ewlenin imqajma fir-rapport tal-LIBE, Gomes sostniet li ma tistax tifhem għala ċerti nies inżammu fil-Gvern meta nkixfu fil-Panama Papers, meta hu ċar li dan qed ifarrak il-kredibbiltà tal-pajjiz mal-erbat irjiħat.
Hi qalet li waslet għal konklużjoni personali: jiġifieri li għax il-Prim Ministru jridhom hemm. Għaliex, ma tafx.
Dwar dan Gomes tkellmet ma’ Newsbook.com.mt fuq id-diskussjoni li għaddejja fil-Parlament Ewropew dwar l-armonizzazzjojni tat-taxxa.
Gomes taqbel li jkun hemm rata minima ta’ taxxa korporattiva, xi ħaġa li l-Ewroparlamentari Laburisti minn Malta huma totalment kontriha, għax skonthom se taffettwa ħażin lil Malta.
Madankollu sostniet li d-dawl ikrah li ntefa’ fuq Malta minħabba dawn l-allegazzjonijiet kompla jimbotta din id-diskussjoni fuq livell Ewropew, u żgur m’għenx biex pajjiż oħra Ewropej jieqfu u jaħsbu dwar l-effett ta’ miżura simili fuq pajjiżi żgħar, li jħajru investiment barrani billi joffru rata ta’ taxxa lil kumpaniji vantaġġjuża.
Temmet issemmi li rata minima ta’ taxxa korporattiva tgħin sabiex ma jsirux abbużi bħalma kien ġara fl-Irlanda meta nstab li fuq il-karta l-pajjiż kellu rata partikulari, iżda minn taħt kienet qed tingħata rata ferm inqas li kumpaniji biex tattirahom.
Gomes kienet qed tirreferi għal-LuxLeaks.