Awdjo: Cryptic Street lura fuq il-palk waqt il-Festa tal-Birra

Il-grupp Cryptic Street se jdoqq għat-tieni darba wara s-serqa li saritlu tal-apparat mużikali xahrejn ilu, waqt il-Farsons Beer Festival li jibda llejla. L-ewwel darba kienet f’kunċert li sar bi ġbir ta’ fondi għall-grupp stess.

L-erba’ tfajliet tal-grupp tkellmu ma’ Newsbook.com.mt fuq kemm kienet diffiċli għalihom li ħabta u sabta, sparixxielhom il-materjal kollu mill-garaxx fejn jipprattikaw f’Birkirkara.

Fortunatament, sabu ħafna min jgħinhom, fosthom gruppi oħra mix-xena tal-mużika Maltija li organizzaw kunċert bħala ġbir ta’ fondi għall-grupp ix-xahar li għadda.

Il-kitarrista Janelle qalet lil Newsbook.com.mt li tal-anqas din it-trawma serviet ta’ mod kif il-komunità tal-bands lokali tingħaqad flimkien għal kawża ġusta.

Skont Janelle, hemm bżonn iktar nisa fix-xena lokali, kif ukoll bżonn kbir ta’ żvilupp tax-xena, b’konferenzi fuq l-industrija tal-mużika pereżempju, u opportunitajiet għall-mużiċisti biex jieħdu l-mużika tagħhom barra minn Malta.

Cryptic Street fil-fatt daqqew fi Spanja, l-Ingilterra u fl-Iskozja, u għandhom jirritornaw f’Londra biex idoqqu hemm, issa li ż-żmien iebes għadda.

Il-Farsons Beer Festival jibda llum u jdum sal-4 t’Awwissu. Cryptic Street se jdoqqu nhar l-Erbgħa li ġej. Fost il-mużika lokali lajv ta’ kuljum, se jkun hemm The Travellers, Pyramid Suns u Fuzzhoneys.