Awdjo: Bżonn niddiskutu t-tisħiħ tal-istrutturi kontra l-korruzzjoni – Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant enfasizza dwar il-bżonn li d-diskussjoni tiffoka fuq kif se jissaħħu l-istrutturi kontra l-korruzzjoni.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Alfred Sant intalab jelabora dak li qal riċentament li f’Malta jeżistu problemi ta’ governanza u korruzzjoni.
Filwaqt li tenna li hemm il-ħtieġa li l-governanza f’Malta tkun aktar trasparenti u addattata għaż-żminijiet tal-lum, Dr Sant stqarr li minħabba li ċ-ċirkostanzi dejjem jinbidlu, l-istituzzjonijiet għandhom dejjem jibqgħu jiġu aġġornati. Żied jgħid li dan it-tibdil ma jridx ikun parti mill-attakki li qed isiru fuq l-istituzzjonijiet Maltin bħalissa.
Mistoqsi dwar jekk il-Prim Ministru jaqbillux jieħu azzjoni jew inkella jħalli kollox għaddej dwar ir-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, l-MPE qal li Joseph Muscat kemm-il darba qal li jinsab lest jiddiskuti.
Saħaq li Muscat ma tantx għandu jagħti widen lir-rapport li skontu “ma tistax tieħdu b’mod serju”. Fisser li dan minħabba li l-membri tad-delegazzjoni waslu Malta b’opinjoni lesta u li ppretendew li jippużaw bħala prosekuturi, imħallfin, u ġurija.
Huwa kkritika l-fatt li l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa kien parti mid-delegazzjoni, minkejja l-bias politiku tiegħu.
Alfred Sant ikkritika wkoll lill-MPE Sven Giegold li fil-fehma tiegħu ilu ħafna jikkritika s-servizzi finanzjarji f’Malta.  Giegold kien qal ma’ Newsbook.com.mt li l-MEPs ma jgħirux għas-suċċess li pajjiż ikun qed jikseb.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista qal ukoll li dawk il-membri mis-soċjetà ċivili li tkellmu mad-delegazzjoni kienu viċin ħafna tal-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi dwar jekk l-aġir tal-MEPs Maltin u barranin kif ukoll jekk ir-rapport li tħejja mid-delegazzjoni tal-PE hux se jkollhom effett fuq Malta meta l-pajjiż jiġi biex jinnegozja ma’ pajjiżi oħrajn, Sant stqarr li kollox ikollu effett. Qal li jittama li l-Gvern Malti jżomm “fit-triq id-dritta”, jiġifieri li “jibqa’ jiddefendi l-interess nazzjonali.”