Awdjo: ​“Bżonn li nuru li m’aħniex Stat Mafjuż” – Slovakka

Tfajla Slovakka saħqet li hemm bżonn tittieħed azzjoni biex is-Slovakkja turi lid-dinja li mhix Stat Mafjuż.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Alexandra Zakova, li hi membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-għaqda taż-Żgħażagħ Demokratiċi Ċivili (ODM), wara li nhar il-Ħadd li għadda, il-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak inqatel, probabbilment minħabba x-xogħol investigattiv tiegħu.
Hi semmiet kif wara l-assassinju tal-ġurnalist, qed jiddominaw il-pajjiż, il-problemi fl-istituzzjonijiet, in-nuqqas tar-rispett lejn il-liġi u n-nuqqas ta’ riżenji.
Zakova qalet li Kuciak kien qed jirrapporta dwar l-evażjoni tat-taxxa u każijiet ta’ korruzzjoni b’rabta ma’ fondi Ewropej.
Irrimarkat li l-poplu Slovakk ħassu xxukjat meta ħarġu ċertu allegazzjonijiet dwar il-politiċi tal-pajjiż, saħansitra dwar il-Prim Ministru nnifsu. Tgħid li l-Prim Ministru kien qed jagħti l-impressjoni li ma tantx jixtieq jitkellem dwar l-assassinju tal-ġurnalist.
Madanakollu, il-Ministru għall-Kultura tas-Slovakkja, Marek Madaric, irreżenja mill-pożizzjoni tiegħu wara l-assassinju tal-ġurnalist.
“Kellhom jirriżenjaw il-PM u ċ-Chief State Adviser
Dwar dan, Zakova stqarret li minflok kellhom jirriżenjaw in-nies li għandhom rabtiet mal-mafja, il-Prim Ministru Slovakk u ċ-Chief State Adviser tiegħu. Spjegat li dawn in-nies kienu ssemmew fl-aħħar rapporti ta’ Kuciak, b’allegazzjonijiet li kellhom konnessjonijiet mal-mafja.
Zakova temmet tgħid li tittama li l-politiċi jinvestigaw l-assassinju ta’ Kuciak b’mod adegwat. Madanakollu, qalet li ċ-ċittadini ma tantx għandhom tama fl-istituzzjonijiet u fir-rispett lejn il-liġijiet tal-pajjiż (is-Saltna tad-Dritt).