Awdjo: Bugħaddasa jilmentaw li l-baħar sar tal-biki minħabba l-irziezet tal-ħut

Il-bugħaddas u attivist Mark Gatt qal li hemm ħafna bugħaddasa li qed jilmentaw dwar id-degredazzjoni tas-sitwazzjoni “tal-biki” kkawżata mill-ħmieġ tal-fish farms, tant li qed jgħidu li “l-baħar spiċċa”.

Gatt qal ma’ Newsbook.com.mt li l-problema bdiet tilħaq livelli għoljin fl-2016, is-sena li fiha inħolqot il-paġna fuq Facebook Stop the Slime. Gatt, li jmexxi l-paġna flimkien ma’ ħbieb tiegħu, qal li mhux qed jiġġieled l-industrija tat-tonn. Qal li jixtiequ biss li jkun hemm baħar nadif f’San Pawl il-Baħar.

Gatt ilu jogħdos għal 30 sena. Spjega li meta jmur lura d-dar wara li jkun inzerta jgħum fil-ħmieġ tal-fish farms irid jinħasel b’sapun apposta għax shampoo normali mhux biżżejjed.

“Aħna nixtiequ li l-baħar ikun nadif. Għażliet oħra hemm jekk l-affarijiet isiru sew. Jekk se nirduppjaw l-irziezet u nħarsu biss lejn il-profitti l-ambjent se jsofri. Jekk l-affarijiet jersqu aktar ‘l barra u jkun hemm monitoraġġ mill-awtoritajiet naħseb hemm futur tajjeb għall-industrija tat-tonn.”

Gatt qal li saru studji li juru li l-operaturi tat-tonn jitfgħu 6.5 tunellata ta’ żejt tal-ħut kuljum fil-baħar. Spjega li l-istudji ġew ordnati li jsiru mill-operaturi stess. Jitimgħu ukoll lill-ħut 125 tunellati ta’ ikel kuljum.

Spjega li l-ħmieġ ikun mill-wiċċ sal-qiegħ. Qal li hemm problema kbira ħafna. Gatt qajjem ukoll tħassib dwar il-fatt li qed jirduppjaw il-gageġġ tat-tonn waqt perjodu li fih suppost għadhom għaddejjin l-istudji.

L-operaturi tal-fish farms imsieħba mal-Federazzjoni Maltija għall-Prodotti tal-Akwakultura (FMAP) qiegħdu booms ma’ kull gaġġa sabiex jibdew jikkontrollaw iż-żjut li joħorġu mill-gaġġeġ u jniġġsu l-bajjiet lokali.

Fl-aħħar jiem dehru numru ta’ ritratti fuq il-midja soċjali li juru ħmieġ li ġej mill-fish farms fil-bajjiet Maltin li l-pubbliku huwa mħeġġeġ jirrapporta.

Ritratti u filmati: Stop the Slime