Awdjo: Brian May talab biex jiltaqa’ mal-Birdlife qabel il-kunċert

Skont l-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta, Steve Micklewright, il-kitarrista tal-Queen Brian May speċifikament talab biex jiltaqa’ mal-membri ta’ Birdlife Malta qabel il-kunċert.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Micklewright ikkonferma li kien hu li ltaqa’ ma’ May qabel il-kunċert. Iżda insista li ma kinetx il-Birdlife li talbet biex issir din il-laqgħa, imma Brian May stess.
Huwa qal li l-laqgħa mal-kitarrist leġġendarju kienet mistennija, għax wara kollox, spjega Micklewright, May huwa attivist kontra l-moħqrija u qtil tal-annimali.
Madanakollu, Micklewright spjega li hu qatt ma kien jaf li May kien se jgħaddi dak il-kumment. Fl-istess ħin, il-Kap tal-Birdlife qal li May tah x’jifhem li jekk isib ċans, jgħaddi kumment simili waqt il-kunċert.
Il-kumment ta’ Brian May irrabja lil ħafna, b’mod partikolari lill-kaċċaturi u l-FKNK li l-bieraħ ħarġet stqarrija tgħid li l-kumment ta’ May kien wieħed tipikament “kolonjali”.
Intant, l-għada tal-kunċert, iċ-Chairman tal-MTA Gavin Gulia fuq Facebook kiteb li Brian May għamel kumment mhux floku u żbalja talli ħalla lil min jinqeda bih.