Awdjo: “Bla Servizz Ġeoloġiku Nazzjonali u se nibnu mina”

Il-ġeoloġista Dr Peter Gatt sostna li ma jemminx li min qed jieħu d-deċiżjonijiet marbuta jew li taffettwa l-ġeoloġija tal-pajjiż, qed jagħti każ il-professjoni tal-ġeoloġisti Maltin.
Fuq RTK, Dr Peter Gatt qal li minkejja li għandna lakuni istituzzjonali u anke fl-għarfien dwar il-ġeoloġija, se nagħmlu qabża f’daqqa biex nibnu mina.
Saħaq li qed jiġi ppjanat li ssir mina, meta Malta hi waħda mit-tliet pajjiżi Ewropej li m’għandhomx Servizz Ġeoloġiku Nazzjonali. Sostna li “l-ġeoloġija ma ssirx tafha mil-lum għal għada” u esprima r-riservi tiegħu dwar dan il-proġett.
Semma l-eżempju tal-Ingliżi u l-Franċiżi li qabel ma bnew il-mina, kienu ilhom jistudjaw il-ġeoloġija bejn iż-żewġ pajjiżi għal iktar minn 50 sena.
Il-ġeoloġista qal li hu importanti li l-Gvern jagħti prijorità lit-turiżmu, ix-xogħol u l-industrija, imma saħaq li “rridu nieħdu ħsieb ukoll ir-riżorsi naturali, il-blat li rridu nibnu bih.”
Sostna li “jekk dan jiġi injorat, nispiċċaw inħallsu prezz għoli.”
Dr Peter Gatt insista dwar l-importanza ta’ Servizz Nazzjonali, li jista’ jkun ukoll ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini dwar il-kwalità tal-bini tad-djar u anke f’sitwazzjonijiet ta’ għargħar.