Awdjo: “Bkejt xħin qaluli li ħajjin”

Missier li nzerta m’ibnu ċ-Ċirkewwa kmieni dalgħodu rrakkonta kif beka xħin membru tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) qallu li ż-żewġ żgħażagħ mitlufa, Nick Johnson u Mark Petric, instabu qawwijin u sħaħ wara kważi tlitt ijiem.
Mario Delia tkellem ma’ Newsbook.com.mt u qalilna dak li ra dalgħodu, ftit tal-ħin wara li ġie kkonfermat, li l-Malti ta’ 19-il sena u s-Serb ta’ 21 sena ntlemħu minn sajjied f’għar fl-inħawi tal-Blata tal-Melħ, bejn il-Baħrija u l-Imtaħleb.
“Kienu dgħajfa immens, imma ħajjin”
Semma kif iż-żgħażagħ twasslu ċ-Ċirkewwa biex minn hemm jittieħdu l-isptar b’żewġ ambulanzi li kienu qed jistennewhom. Dan wara li ġew eżaminati minn tabib.
Spjega kif xħin tellgħu liż-żgħażagħ u seta’ jarahom, innota li kienu dgħajfa immens, iżda ħajjin, u ma setax jagħraf kellhomx malja inkella kinux bil-ħwejjeġ ta’ taħt.
L-irwol tas-sajjieda fil-każ
Minn kif żvolġiet l-istorja, jista’ jingħad li kieku ma kienx għas-sajjieda, l-istorja kienet tiżviluppa b’mod differenti.
Dan għaliex kienu sajjieda li infurmaw lill-Pulizija nhar il-Ġimgħa li sabu xi basktijiet mitluqin fl-inħawi tal-Blata tal-Melħ, u finalment kien sajjied li nzerta kien għaddej minn hemm u rrapporta li rahom.
Rapporti oħra qed jgħidu li saħansitra das-sajjied tahom x’jieklu u x’jixobu billi dendel l-ikel bix-xlief.