Awdjo: “Biża’ kbir, mewġa’ ta’ dittatura tal-flus” – Malti fil-Brażil

Patri Ġwann Xerri li ilu jgħix il-Brażil mill-1974 irrimarka li l-Brażil ilu f’tensjoni u biża’ kbir mill-kampanja elettorali li nhar il-Ħadd li għadda wasslet għar-rebħa ta’ Jair Bolsonaro, il-kandidat għal-lemin estrem.

Bolsonaro ġie elett b’55% tal-voti. Il-kandidat tax-xellug, Fernando Haddad kiseb 45%.

Ma’ Newsbook.com.mt Patri Ġwann qal li Bolsonaro mhux l-uniku wieħed maħkum minn dik li sejjaħ mewġa tal-lemin estrem. Semma li l-Italja, il-Polonja, l-Ungerija, it-Turkija, il-Filippini u l-Istati Uniti, huma maħkuma minn din il-mewġa ta’ dittatura għall-flus.

“Il-Whats App ħolqu Alla, il-gruppi vvintahom ix-Xitan”

Huwa aċċenna għal aspetti pożittivi u negattivi tal-mezzi soċjali. Fi kliemu, il-Whats App ħolqu Alla, filwaqt li l-gruppi vvintahom ix-Xitan. Stqarr li minħabba l-gruppi li nkunu fihom nispiċċaw “f’bubble” u nagħtu kas biss dak li jkun qed jingħad fih u mhux opinjonijiet oħra.

“L-eċċezzjoni huwa l-Papa Franġisku”

“L-eċċezzjoni għall-mewġa tal-lemin estrem li bħalissa qed tesperjenza d-dinja huwa l-Papa Franġisku”, saħaq Fra Ġwann, filwaqt li insista li jaqbel miegħu li fid-deskrizzjoni li din hi l-mewġa tad-dittatura tal-flus.  Fost eċċezzjonijiet oħra, Patri Ġwann għamel referenza għall-eks kandidat għall-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Istati Uniti Bernie Sanders u l-Mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn.

Spjega li wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, id-dinja ma kellhiex fejn tmur u spiċċat b’mudell ekonomiku wieħed. Huwa semma ċ-Ċina li għalkemm suppost pajjiż komunista, iddeskrivieha bħala stat kapitalista.

Il-Patri Dumnikan serva f’diversi funzjonijiet fil-Brażil, fosthom bħala kappillan ta’ diversi bliet, kemm f’paroċċi rurali, kif ukoll fi bliet kbar bħal Sao Paolo, kemm fiċ-ċentru kif ukoll fuq barra ta’ dawn l-ibliet. Huwa għamel żmien Ruma kif ukoll xi sentejn Malta. Ix-xogħol tiegħu kien ukoll fil-ġustizzja, il-paċi u d-drittijiet umani, kif ukoll fl-Ordni. Fra Ġwann għandu d-dritt tal-vot hekk kif kiseb iċ-ċittadinanza Brażiljana. Huwa ra u għex taħt diversi gvernijiet fil-Brażil kif ukoll laħaq id-dittatura militari fl-aħħar snin tagħha. Huwa bħalissa jinsab ibbażat Belo Horizonte fl-istat ta’ Minas Gerais.

L-ambaxxata tal-Brażil f’Tel Aviv se timxi lejn Ġerusalemm?

Fra Ġwann ikkummenta fuq diversi affarijiet li qal matul il-kampanja Bolsonaro, fosthom li l-Ambaxxata tal-Brażil f’Tel Aviv titmexxa lejn Ġerusalemm. Bolsonaro kien staqsa f’wieħed mid-diskorsi tiegħu jekk il-Palestina hix pajjiż u ssuġġerixxa li se jkun qed jagħlaq l-Uffiċċju tal-Awtorità Palestinjana fil-Brażil li jservi bħala de facto ambaxxata għall-Palestina. Skont Patri Ġwann, li titmexxa l-ambaxxata lejn Ġerusalem, kienet talba tal-knejjes Evanġeliċi. L-Istati Uniti kien l-ewwel pajjiż li mexxa l-ambaxxata tiegħu lejn Ġerusalemm minn Tel Aviv u ta’ dan il-President Donald Trump kien ġie kkritikat. Il-mossa kienet deskritta bħala waħda provokattiva.