Awdjo: Birdlife Malta trid raġunijiet ċari jekk se jinbidlu d-dati tal-elezzjonijiet

Il-kelliem għall-Birdlife Malta Mark Sultana staqsa jekk il-gruppi ta’ lobbying favur il-kaċċa għamlux daqshekk pressjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-gvern li wasslu biex jiġu posposti l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Meta intervjena fil-programm Newsbook fuq RTK, Mark Sultana staqsa jekk il-gvern huwiex qed jagħmel dan sabiex jaġevola lill-kaċċaturi. Huwa ħeġġeg lil-poplu sabiex jieħdu sehem f’din il-konsultazzjoni pubblika fejn sostna li s’issa għadu ma semgħax kumment wieħed ġustifikat għaliex dawn l-elezzjonijiet għandhom jiċċaqalqu.
Huwa kompla jgħid li l-poplu Malti illum huwa mxebba’ bil-fatt li l-kaċċa tibqa’ meqjusa bħala ballun politiku.
Ippreċiża li Birdlife m’hijiex imbeżża’ mill-vot tal-poplu, u qal li din għandha d-dritt u l-obbligu li titkellem dwar affarijiet politiċi jekk dawn ikunu jolqtu l-għasafar u l-ambjent naturali.
Mark Sultana spjega li jekk verament il-poplu jrid referendum ġust, allura qal li ħadd ma għandu jagħmel xi ostakli li jistgħu ixekklu mill-votazzjoni.
Aċċenna wkoll għall-kampanja edukattiva qabel ir-referendum sabiex il-poplu jifhem iktar il-bżonn u l-importanza sabiex joħroġ jivvota favur l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
Min-naħa tiegħu il-kelliem tal-FKNK Lino Farrugia qal li ma jistax jifhem il-politika tal-Birdlife u kif din qed tħallat il-kwistjoni tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ma’ dawk tal-kaċċa. Qal li l-ewwel ħaġa jrid jara jekk dan ir-referendum għandux isir jew le.
Tkellem ukoll id-deputat Nazzjonalista David Agius li qal li l-Gvern qed jikser il-wiegħda li għamel liż-żgħażagħ Maltin dwar il-votazzjoni ta’ 16-il sena. Qal li l-gvern għadu ma ta lill-Oppożizzoni l-ebda abbozz ta liġi dwar id-dati tal-elezzjonijiet. Id-deputat Nazzjonalista staqsa għaliex il-gvern ma kkonsulta ma ħadd dwar id-dati proposti għall-elezzjonijiet.
L-istedina li saret lill-Partit Laburista biex jibgħat rappreżentant tiegħu għal dan il-programm ma ġietx milqugħa.