Awdjo: “Bil-miżuri naqas ħafna l-mard infettiv” – Dr Chircop

Miguela Xuereb

It-Tabib Dr Jan Chircop qal li f’dawn l-aħħar xhur, bil-miżuri li kien hawn f’Malta minħabba l-coronavirus, il-mard infettiv naqas ħafna.

Waqt intervista fuq 103 Malta’s Heart ma’ Jes Saliba, Dr Jan Chircop tkellem fuq l-importanza tat-tilqima tal-influwenza u kif l-imxija tal-influwenza se taffettwana din ix-xitwa minħabba l-coronavirus.

Huwa spjega kif il-coronavirus għadu fattur li m’hawnx wisq informazzjoni fuqu. Din se tkun l-ewwel darba li l-influwenza teżisti fil-qawwa tagħha fl-istess żmien bħall-coronavirus. Semma li teżisti teorija li n-nies jistgħu jimirdu bil-coronavirus u l-influwenza f’daqqa, peress li dawn viruses differenti. It-tnejn jaffettwaw is-sistema respiratorja tal-bniedem u jaf iwasslu għall-kumplikazzjonijiet.

Appell ta’ Fearne f’Lulju li għadda
Appell ieħor ta’ Fearne dwar l-influwenza u l-coronavirus

It-tabib ta l-parir li t-tilqima tal-influwenza tittieħed minn kulħadd biex jitnaqqas ir-riskju, anke sabiex is-sistema tas-saħħa ma titgħabbiex billi l-ħaddiema tas-saħħa diġà huma mħabbtin sew bil-pazjenti bil-coronavirus. Issuġġerixxa wkoll li n-nies jibqgħu jieħdu l-miżuri u l-prekawzjonijiet bis-serjetà, peress li dawn diġà naqqsu l-mard infettiv tas-soltu.

Illum waslu f’Malta mal-5.6 tunnellati tat-tilqima tal-influwenza.