Awdjo: “Bħalma jitħallew fuq l-art għandhom jitħallew billboards fil-baħar”

Wieħed mis-sidien li għandu floating billboard qal li ma jagħmilx sens li jitħallew il-billboards fuq l-art imbagħad ma jitħallewx fil-baħar.
Ma’ Newsbook.com.mt, Malchoir Vassallo qal li hu kien l-ewwel wieħed li tliet snin ilu ġab billboard tal-baħar minn barra minn Malta.
Dak iż-żmien huwa kien poġġih fil-baħar, f’parti li għandu l-permess għaliha. Minkejja dan Transport Malta kienet waqqfitu minkejja li ma kien hemm l-ebda liġi li ma tħallihx jagħmel dan.
Minn dakinhar Vassallo qal li qatt ma reġa’ niżżlu fil-baħar u kien użah diversi drabi fuq l-art.
Huwa kompla jgħid li sema’ bl-aħbar tal-Espressjoni ta’ Interess minn fuq l-aħbarijiet u għalkemm ma applikax, bħala sid ta’ floating billboard, li spiċċa ma jistax jużah għal tliet snin, interessa ruħu fl-aħbar.
Meta ħarġet din l-aħbar qamet kontroversja kbira speċjalment minn diversi għaqdiet u NGOs ambjentali li kienu kollha kontra d-deċiżjoni  ta’ Transport Malta.
Minkejja dan, Malchoir Vassallo qal li d-deċiżjoni ta’ Transport Malta, li tirrevoka l-pjan tagħha, ma tagħmilx sens.
Spjega li Tas-Sliema u l-Marsa huma ppakjati bil-billboards. Saħaq li bħal ma jitħallew billboards fuq l-art għandhom jitħallew ukoll fil-baħar.