Awdjo: Bħal-lum kienu għerqu 3 żgħażagħ fl-Għadira

Bħal-lum fl-1956 kienet seħħet diżgrazzja fil-Bajja tal-Għadira, fejn kienu għerqu tliet żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena. Il-katavri tagħhom kienu nstabu ‘l barra mill-bajja mill-Pulizija, wara li ġew irrappurtati nieqsa.

X’ġara iktar fit-30 ta’ Awwissu fis-snin l-imgħoddija?

Fl-1901, ġiet irreġistrata l-ewwel vacuum cleaner, minn ċertu Hubert Cecil Booth fl-Ingilterra. Din kienet tant kbira li kienet mibnija fuq karettun taż-żwiemel, u kienet tibqa’ barra d-dar, filwaqt li Booth kien jidħol għand in-nies b’katusa twila u jiġbed l-abra biha.

Fl-1953, twieled Eric Scerri, Professur tal-Kimika. Scerri, ta’ oriġini Maltija huwa bbażat fl-Università ta’ Kalifornja fl-Istati Uniti. Huwa meqjus bħala awtorità mondjali fuq l-istorja u l-filosofija tal-kimika u l-periodic table tagħha.

Fl-1995, bdiet ħidma militari mmexxija minn NATO bit-tir li trażżan il-forzi Bożnijaċi Serbi, milli jkomplu jattakkaw partijiet tal-Bożnija ddikjarati bħala safe zones min-Nazzjonijiet Magħquda.

Fl-2013, kien ħareġ għall-wiri l-film 12 Years a Slave

Fl-2013, kanzunetta miktuba minn anzjan ta’ 96 sena ddedikata lil martu li kienet għadha kif mietet, telgħet sal-post numru 7 fil-klassifika tal-iTunes. Intweriet maż-żewġ miljun darba fuq YouTube. Fred Stobaugh kien issottometta l-lirika tal-kanzunetta bil-posta għal kompetizzjoni ta’ kitba mużikali Amerikana, avolja il-kompetizzjoni kienet onlajn. L-organizzaturi tant kienu impressjonati bl-istorja u l-lirika tal-kanzunetta Oh Lorraine, li kkomponewlha l-mużika u ħarġuha għall-bejgħ.

Illum:

Il-festa ta‘ Santa Jeane Jugan

Il-festa tal-Beatu Alfredo Idelfonsu

Produzzjoni u vuċi: Colin Fitz ta’ 103