Aġġornata (4) Awdjo: Ikkanċellati titjiriet tal-Airmalta – 2,018-il passiġġier affettwat

Uħud mit-titjiriet tal-Airmalta skedati għal-lum kellhom jiġu kkanċellati minħabba li numru ta' bdoti rrappurtaw li ma jifilħux.

Skont il-linja nazzjonali tal-ajru, mill-bieraħ filgħaxija 20 bdot irrappurtaw li ma jifilħux “u dan hu 9 darbiet aktar mill-medja normali”.

It-titjiriet ikkanċellati huma minn Malta għal Bengażi, Newcastle u Milan Malpensa.

Airmalta qalet li titjiriet minn u lejn Tel Aviv, Paris-Orly, Cardiff, Budapest, Katanja, Frankfurt u Vjenna ġew ittardjati b’bosta sigħat. Suppost, skont l-iskeda, l-Airmalta llum kellha topera 30 titjira.

Aktar minn 2,018 passiġġier inltaqtu ħażin mill-azzjoni tal-lum u l-Airmalta qalet li se tagħmel dak kollu li hu possibbli biex il-passiġġieri jaqbdu titjiriet oħra permezz ta’ kumpaniji oħra.

Dwar is-sitwazzjoni tal-lum, il-President tal-Unjin tal-Bdoti Domenic Azzopardi kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-ALPA ma ħarġet l-ebda direttiva biex il-bdoti ma jirrappurtawx għax-xogħol jew iċemplu "bis-sick".

Skont Azzopardi, jirriżulta li kien hemm "bdot lest bl-uniformi biex imur fuq flight imma ma marrux jippikkjawh u imbagħad tawh flight aktar wara". Qal ukoll li "bdot li jkun ħadem matul il-lejl ma jistax jidħol jaħdem kmieni filgħodu".

Kompla jgħid li l-linja nazzjonali tal-ajru kuljum qed taħdem b'emerġenza u "kull filgħodu qed inqumu u ma jkunx hemm nies li jtajru l-ajruplani".

Jekk l-Airmalta trid tiffranka €50,000 fix-xahar, Azzopardi qal li " jridu jdaħħlu 6 bdoti ġodda u jtellgħu 6 First Officers 6 għal Kaptani".

Sostna li din is-sena hemm 16-il bdot inqas u dan qed jikkawża biex il-bdoti jidħlu jaħdmu fil-ġurnata off tagħhom.  Semma wkoll li ħafna mill-bdoti ngħataw skema ta' rtirar kmieni, meta dawn fir-realtà hemm bżonnhom biex jaħdmu fis-sajf. 

Airmalta appellat biex il-passiġġiera jiċċekkjaw il-websajt www.airmalta.com għall-aħħar żviluppi.