Awdjo: Bdew jaslu l-ilbies protettiv tal-infermiera għall-Ebola

Wara jiem ta’ stennija, l-infermiera fis-Sala Infettiva f’Mater Dei bdew jaslulhom ilbies protettiv għar-ras u l-għonq (full-head hoods).
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne llum ordna biex issir l-ordni tal-ilbies u biex jaslu Malta mill-aktar fis.
Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat li dalgħodu waslet l-ewwel kunsinna.
Newsbook.com.mt hu infurmat li sal-lejla mistennija tasal kunsinna oħra.
Dan wara li l-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel ordnat lill-infermiera biex f’każ ta’ pazjent bis-sintomi tal-Ebola ma jidħlux fis-sala.
F’kummenti li Newsbook.com.mt il-President tal-MUMN Paul Pace qal li minħabba li l-virus tal-Ebola qed jevolvi, u qed jingħad li jista’ jittieħed ukoll mill-arja, l-infermiera li jkunu f’kuntatt dirett mal-pazjenti, għandhom ikollhom l-aqwa lbies.
L-MUMN qed issostni li d-direttiva se tibqa’ fis-seħħ sakemm tasal il-kunsinna kollha u tara li l-affarijiet huma ta’ materjal tajjeb.
Skont Paul Pace, sa issa l-infermiera kienu jużaw maskli għan-nifs li iżda kellhom problema bil-qisien kif ukoll maskli għall-għajnejn li wkoll kellhom problemi bihom minħabba li jittappnu malajr.