Awdjo: “Bdejt nibża’ li ma nistax niġbor lit-tfal u mmur id-dar” – Maltija f’Pariġi

Waqt l-attakki fil-Belt ta’ Pariġi, Elizabeth telqet kmieni mix-xogħol, ġabret lit-tifla tagħha mill-iskola u nġabru d-dar.
Ma’ Newsbook.com.mt tkellmet Elizabeth Grech, Maltija li taħdem bħala traduttriċi u li ilha tgħix f’Pariġi għal dawn l-aħħar 12-il sena.
Nhar l-Erbgħa, meta seħħew l-ewwel attakki fuq il-bini tar-rivista satirika Charlie Hebdo, Elizabeth kienet qegħda ftit 'il bogħod, waqt laqgħa tax-xogħol. 
F’silenzju taqtgħu b’sikkina u b’xokk kbir fuqhom, qalet li bdiet tirċievi telefonati u messaġġi mingħand ħbieb u qraba Maltin biex jaraw jekk hi u l-famlija tagħha kinux jinsabu tajbin.
Għalkemm il-post tax-xogħol fejn taħdem mhux ‘il bogħod ħafna minn fejn saru l-massakru, id-dar hi iktar viċin.
Għalhekk, l-akbar biżà ta’ Elizabeth kienet li tinqabad taħt l-art fil-metro u ma tkunx tista’ tmur għat-tfal tagħha, tifla ta’ 4 snin u tifel ta ħames xhur, u tinġabar magħhom id-dar.
Elizabeth qalet ukoll li t-tieni ġurnata kienet agħar mill-ewwel waħda.
Filfatt, fl-isfond tas-sireni tal-ambulanzi u tal-karozzi tal-pulizija, Elizabeth iddeċidiet li titlaq kmieni mix-xogħol, tiġbor lit-tfal u tmur id-dar. 
Meta mistoqsija dwar il-komunità Maltija f’Pariġi, Elizabeth saħqet li għalkemm il-Maltin li jgħixu f’Pariġi jinsabu mferxin u għalhekk mhux kollha jkunu jafu lil xulxin, eżatt kif sar l-attakk għamlu kuntatt ma’ xulxin biex jaraw jekk hux kulħadd kien jinsab protett.
Elizabeth appellat biex ma nħallux dak li ġara jinvadina b’mod negattiv għax inkella l-bniedem jieqaf jgħix.
Filwaqt li kkundannat it-terroriżmu, qalet ukoll li m’għandnix niddiskriminaw bejn il-Musulmani u l-immigranti għax inkella jkunu qegħdin imorru minn fuq it-terroristi.
Illum se jkun qed isir marċ b’solidarjetà mal-qraba tal-vittmi fl-attakk terroristiku.