Awdjo: “Baskitbol wheelchairs għal iktar mobbiltà u inklużjoni” – Jonathan Shaw

L-eks kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Jonathan Shaw għadu kif xtara 10 baskitbol wheelchairs bl-għanijiet li jippromwovi l-mobbiltà kif ukoll li iktar persuni jkollhom l-opportunità jilagħbu baskitbol, anke jekk jużaw wheelchair.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Jonathan Shaw, li spjega kif l-idea bdiet meta darba waqt il-kampanja tal-MEPs hu u għadd ta’ kandidati oħra kellhom logħoba baskitbol fil-wheelchairs flimkien ma’ persuni li jużaw il-wheelchair fil-ħajja ta’ kuljum.
Dakinhar ra lill-plejers akkaniti ħafna u wegħedhom li wara li tgħaddi l-kampanja, hu se jixtrilhom numru ta’ wheelchairs speċjalizzati għall-baskitbol. Qal li l-iskop hu li l-NGO Breaking Limits u grupp ta’ individwi oħra li qed imexxu dan il-proġett ikunu jistgħu jużaw il-wheelchairs b’mod li jistgħu jitgawdu minn kulħadd.
Jonathan Shaw sostna li din hi inizjattiva żgħira li se tagħti iktar struttura. Qal li għalih kienet reazzjoni naturali u hu ġest li għamel mill-qalb.
Żied jgħid li grazzi għax-xiri ta’ dawn il-baskitbol wheelchairs, għadd ta’ persuni se jkollhom l-apparat neċessarju sabiex huma wkoll ikollhom l-opportunità jipprattikaw dan l-isport.