Awdjo: ‘Auschwitz’ fil-Ministeru ta’ Għawdex

Minn nhar it-Tlieta li ġej, fis-Sala tal-Ministeru għal Għawdex se tittella' wirja fotografika li se tikkommemora s-70 Anniversarju mill-ħelsien tal-kamp ta’ Auschwitz.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, il-fotografu Għawdxi mix-Xagħra Chris Camilleri jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-Polonja.
Spjega kif meta kien qed iżur il-kamp ta’ konċentrament ġietu l-idea li joħloq din il-wirja edukattiva biex ikompli jwassal il-messaġġ tiegħu permezz tal-fotografija li għandna “nirrispettaw lil xulxin u ma nħallux il-passat jirrepeti ruħu”.
Din il-wirja ġġib l-isem ta’ 50.04°N, 19.18°E – The Final Solution, li tixhed il-post eżatt fejn jinsab il-kamp ta’ konċentrament fil-Polonja.
Minbarra r-ritratti tal-fotografu Chris Camilleri, se jkun hemm għall-wiri materjal artistiku mħejji mill-istudenti tal-arti fl-iskola Sir M. A. Refalo, is-Sixth Form ta’ Għawdex.
Tista’ tisma’ l-intervista sħiħa ma’ Chris Camilleri nhar il-Ġimgħa waqt il-programm Baħar Jaqsam li jixxandar fuq RTK 103FM fit-3.05pm.