Awdjo: Attività fil-Marsa biex tgħaqqad iż-żgħażagħ Maltin u barranin

Għada s-Sibt, il-Fondazzjoni li toffri kenn u appoġġ lil immigranti f’Malta, se torganizza serata t’attivitajiet fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa.
L-attività bl-isem ‘InterAct Festival’ huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa biex żgħażagħ Maltin u Afrikani jkunu jistgħu jiltaqgħu u jaqsmu bejniethom d-diversità taż-żewġ kulturi.
Waħda mill-organizzaturi, Sandra Schembri Wismayer stqarret ma' Newsbook.com.mt li f’attivitajiet bħal dawn huwa importanti li nħarsu lejn dak li hu komuni bejn il-kulturi differenti u mhux lejn dak li jifridna, biex b’hekk tiżdied it-tolleranza lejn min hu differenti minna.
Fiċ-ċentru tal-Marsa, għada se jkun hemm attivitajiet sportivi, fosthom tournament tal-futboll li se jibda’ fis-1pm. Il-Festival propja mbagħad jibda fil-5pm u jibqa’ sejjer sal-10pm. Matul is-serata se jkun hemm wirjiet ta’ kantanti Maltin u anki barranin. Barra minn hekk se jkun hemm ikel etniku minn pajjiżi differenti fosthom l-Eritrea, is-Somalja u l-Afrika.
Se tittella’ wkoll wirja tal-arti, filwaqt in-nies li jattendu se jkollhom l-opportunità li jpinġu u jiproduċu biċċiet tal-arti bit-tafal.
Għal din l-attività ġew involuti wkoll diversi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’Malta, fosthom l-għaqdiet studenteski tal-KSU u l-AIESEC.