Awdjo: “Attenti fuq Facebook, ibni spiċċa laqqat xebgħa”

Omm tifel li ġie aggredit wara li nħoloq profil falz tiegħu fuq Facebook, qed tappella lill-ġenituri tal-adoloxxenti biex isegwu mill-qrib il-mod kif uliedhom jużaw dan il-mezz soċjali.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-omm irrakkuntat b'dispjaċir l-esperjenza li qed jgħaddu minnha bħala familja.
Tispjega kif grupp ta’ ġuvintur ta’ bejn it-13 u s-17-il sena ħolqu profil falz b'isem binha, u li ntuża bi skop li jistieden lill-ġuvintur għall-ġlied.

Dan wassal biex it-tifel jgħaddi minn esperjenza qarsa li affettwat lilu u lil qrabatu.
Kien Ġunju tas-sena li għaddiet, meta t-tifel kien miexi għall-affari tiegħu u ġie avviċinat minn grupp ta’ żgħażagħ, li staqsewh jekk hux qed jistieden lin-nies għall-ġlied. Madanakollu minkejja li ċaħad, baqgħu ma emmnuhx.
Kawża t'hekk, it-tifel laqqat xebgħa u kissrulu sinna.
L-omm kompliet tispjega li binha sakkar il-Facebook biex iżid is-sigurtà, iżda xorta reġa' spiċċa vittma ta' abbuż. Riċentament profil falz reġa' beda jdur u ttieħdu wkoll xi ritratti mill-Facebook tagħha.
Minn din l-esperjenza qarsa, l-omm tappella lil kull min jirċievi insulti, tgħajjir jew ikun vittma ta' ġlied, jitlob l-għajnuna tat-Taqsima tas-Cyber Crime tal-Pulizija, li qed jagħtuha l-appoġġ meħtieġ.
F'każ ta' bżonn wieħed jista' jikkuntattja lit-Taqsima tas-Cyber Crime fuq 22942231 jew b'imejl fuq computer.crime@gov.mt