Atmosfera ta’ festa tistenna l-Papa – Maltin fl-Irlanda

Hemm atmosfera ta’ festa fl-Irlanda skont id-Direttur tal-Aid to the Church in Need Malta (ACN) Stephen Axisa li qiegħed l-Irlanda fejn se jkun il-Papa Franġisku matul tmiem il-ġimgħa.

Axisa qal ma’ Newsbook.com.mt li ż-żjara tal-Papa fl-Irlanda se tkun qed issir wara erbat ijiem ta’ attivitajiet għall-familja. Qal li dawn urew li familji sodi huma garanzija ta’ soċjetà soda.

Axisa spjega li l-aħħar Papa li żar l-Irlanda kien Ġwanni Pawl II fl-1979. Żied jgħid li l-Irlanda għaddiet minn diversi żviluppi minn dakinhar ‘l hawn u li issa qed jinħass ċertu rinaxximent fost in-nies. Spjega li ż-żjara tal-Papa kienet mistennija ħafna min-nies u li s’issa kien hemm attendenza tajba min-nies minn kull parti tas-soċjetà.

Fl-Irlanda l-ACN kellhom quddiesa ma’ Kardinal mill-Awstrija u semgħu lil diversi kelliema minn diversi pajjiżi li tkellmu dwar esperjenzi personali bħala parti mill-attivitajiet tagħhom. Axisa qal li kien ilu jistenna din iż-żjara tal-Papa Franġisku li qal li tgħin biex tiġi ssolidifikata l-importanza tal-familja.

Il-Papa Franġisku se jiltaqa’ ma’ vittmi ta’ abuużi sesswali waqt li jkun fl-Irlanda fi tmiem din il-ġimgħa. Iżda jiddependi mill-vittmi nfushom jekk tingħatax informazzjoni dwar din il-laqgħa, qal Greg Burke, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan.

Il-Papa Franġisku sostna li m’għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal persuni li jinstab li jkunu ħbew abbużi sesswali fuq persuni vulnerabbli biex jgħattu xtur min wettaq ir-reat.

Meta l-Papa Franġisku jżur l-Irlanda fi tmiem din il-ġimgħa biex jieħu sehem fil-Laqgħa Mondjali tal-Familji li se ssir f’Dublin, se jsib pajjiż ferm differenti minn dak li kien sab il-Papa Ġwanni Pawlu II, 39 sena ilu. Il-folol għall-Papa Franġisku mistennija jkunu anqas minn dawk li laqgħu lil Ġwanni Pawlu II.