Awdjo: Ask.fm – 27 każ f’Malta f’10 xhur

Fl-aħħar 10 xhur, il-pulizija f’Malta rċeviet 27 rapport dwar abbuż mill-Ask.fm, l-app li tintuża ħafna fuq Facebook b'mod partikolari mill-adoloxxenti, u li s’issa qed titqies li wasslet biex ħasdet il-ħajja ta’ ħamest itfal barra minn Malta.

Bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, it-Taqsima tas-Cyber Crime tal-pulizija f'Malta, qalet li rċievew l-ewwel rapport dwar abbuż permezz ta’ din l-app lejn l-aħħar ta’ Ottubru li għadda. Tmienja minn dawn il-każijiet seħħew fl-2012.

L-istess Taqsima tal-pulizija spjegat kif jekk il-persuna li tkun kisret il-liġi tiġi identifikata, jittieħdu passi fil-Qorti.

F’26 każ, l-investigazzjonijiet bdew wara li l-pulizija rċeviet rapport dwar insulti u theddid, filwaqt li fil-każ l-ieħor, l-investigazzjoni saret minħabba ċirkolazzjoni ta’ materjal indiċidenti li jinvolvi l-minuri.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-pulizija qalet li min-naħa tagħha ma tistax titlob li l-użu ta' din l-app jiġi mwaqqaf minn Malta minħabba li fiha nnifisha mhijiex illegali. 

Din l-applikazzjoni toffri l-faċiltà li persuna tippubblika messaġġ fuq il-parti pubblika tal-profil ta’ xi ħaddieħor. Ġeneralment il-kumment jieħu l-forma ta’ mistoqsija jew risposta għal mistoqsija li jkun għamel ħaddieħor. 

Waħda mill-funzjonijiet ta’ din l-app, li qed tiġi abbużata, tippermetti li persuna tippublika l-messaġġ b’mod anonimu. 

Minkejja dan, il-messaġġi li jiġu ppubblikati b’dan il-mod, xorta jistgħu jiġu traċċati permezz tal-informazzjoni li l-amministraturi tal-Ask.fm jgħaddu lill-pulizija.

Meta tirċievi r-rapporti, il-pulizija Maltija tikkomunika mal-pulizija fil-Latvija, fejn ġiet ikkreata l-app, permezz tal-INTERPOL, sabiex tiġbor informazzjoni dwar il-profili inkwistjoni.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Psikjatra Dr Anton Grech dwar din l-app u l-problemi li jġibu magħhom kummenti anonomi.

Huwa rrakkomanda kif wieħed għandu jaġixxi meta jirċievi xi tip ta' komunikazzjoni li tkun anonima.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.