Awdjo: Arrigo u Debono mħajra għal viċi-kap tal-PN

Il-Membri Parlamentari Nazzjonalisti, Robert Arrigo u Kristy Debono, huma interessati għall-kariga ta’ viċi-kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt, li fl-aħħar sigħat Arrigo bagħat messaġġi lid-delegati tal-Partit Nazzjonalista fejn talabhom biex jiltaqa’ magħhom, dwar l-interess tiegħu fil-kariga ta’ Viċi Kap.
Ma’ Newsbook.com.mt, filwaqt li kkonferma li bagħat dawn il-messaġġi, Robert Arrigo ma kkonfermax il-kontestazzjoni tiegħu f’din il-kariga.
Min-naħa tagħha Debono kkonfermat l-interess tagħha, iżda qalet li għadu kmieni minħabba l-elezzjonijiet li għaddejjin għall-Kap tal-PN.
Newsbook.com.mt kellem ukoll lil Marthese Portelli, iżda din qalet li bħalissa l-kompetizzjoni li hemm fil-partit hija għal kap ġdid, u mhux għal viċi-kap.
It-tliet Membri Parlamentari huma ferm popolari mal-elettorat Nazzjonalista, kif juru r-riżultati miksuba fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Arrigo, Debono u Portelli telgħu kollha mid-disa’ distrett, filwaqt li Arrigo tela’ wkoll mill-10 distrett, u Portelli mit-13-il distrett.
Sadanittant, bħalissa għaddejjin il-kampanji tal-erba’ kandidati għal kap tal-PN, Chris Said, Adrian Delia, Frank Portelli u Alex Perici Calascione.