Awdjo: App li se tiffrankalek it-traffiku f’Malta

L-uġigħ ta’ ras għas-sewwieqa f’Malta u Għawdex mistennija tkompli tonqos hekk kif mil-lum qabel iħallu post għall-ieħor jistgħu jiċċekkjaw l-andament tat-traffiku fir-rotta tagħhom.
Dan permezz ta’ app li se tkun amministrata mit-tim tal-paġna popolari ta’ Facebook Maltese Roads Traffic Updates, li ilha tintuża kważi erba’ snin.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Malcolm, wieħed mill-amministraturi, li spjega kif erba’ snin ilu kollox beda bħala esperiment bejn ħamest iħbieb. Jinsab sodisfatt li llum il-paġna, li titħaddem b’mod volontarju, għandha kważi 48,000 membru u huma bosta dawk li jiċċekjawha kuljum.
Malcolm qal li inqas minn sena ilu nedew il-websajt www.maltesetraffic.com li permezz ta’ għaxar kameras li xtara hu stess, kulħadd jista’ jiċċekkja t-traffiku f’għaxar postijiet differenti fosthom fi Triq Reġjonali, il-Mosta, il-Bypass tal-Imrieħel, Raħal Ġdid u l-Imsida. Fi 11-il xahar daħlu f’dan is-sit aktar minn 87,000 persuna.
Malcolm spjega li din l-app bl-isem MRTU hi sempliċi biex wieħed jużaha u saret mill-kumpanija Vioside li ngħaqdet mal-MRTU biex toffri dan is-servizz.
Qal li meta wieħed jiġi biex jagħmel rapport dwar it-traffiku, minbarra deskrizzjoni u/jew ritratt, jista’ jimmarka jekk it-traffiku hux moderat, hemmx ħafna traffiku jew inkella hux wieqaf. Dan jiġi mmarkat b’kuluri differenti fuq mappa ta’ Malta fl-istess app.
Jekk l-MRTU jkollha informazzjoni importanti x’tgħaddi lis-sewwieqa, tibgħat notiifika.
Malcolm ħabbar li fil-futur qrib se jiġu installati aktar features fosthom notifika jekk fil-qrib ikun hemm it-traffiku jew xi periklu fit-triq.
Din l-app għalissa tista’ titniżżel biss fuq iOS għal €1.99. Se tkun disponibbli għall-Android dalwaqt.