Awdjo: Annabelle Vassallo tibqa’ mfakkra fis-Siġġiewi

Il-karattru ferrieħi, il-ktieb “Irrid Ngħix” u l-kliem ta’ kuraġġ tagħha li messew il-qlub ta’ eluf ta’ Maltin, wasslu biex fl-aħħar, fis-Siġġiewi hemm triq imsemmija għal Annabelle Vassallo. 
Nhar is-Sibt li għadda, 24 ta’ Jannar, Annabelle għalqet erba’ snin minn meta mietet bil-kanċer. 
Ftit ġimgħat ilu, il-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq approva t-talba li jkun hemm triq f’ġieh Annabelle. 
Filfatt, ftit jiem qabel l-anniversarju ta’ mewtha, bejn Triq Lapsi u Triq l-Imqabba, fis-Siġġiewi twaħħlet il-plakka tat-triq b’isem Annabelle. 
F’kumment ma’ Newsbook.com.mt is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal li “bħala komunità, s-Siġġiwin jħossu li Annabelle għadha tgħix fostna u se nibqgħu ngħożżu l-memorja tagħha għal dejjem.  Kien għalhekk li bħala Kunsill Lokali tas-Siġġewi ħassejna li waħda mit-toroq fil-lokalità għandha tissemma għaliha.” 
Il-proposta li fis-Siġġiewi jkun hemm triq iddedikata lil din il-vittma tal-kanċer, kienet saret fl-2011, ftit wara mewtha.  Dak iż-żmien, is-Sindku Robert Musumeċi kien ġab l-approvazzjoni tal-Kunsilliera kollha. 
Għall-bidu, il-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq ma kienx laqa’ din il-proposta għaliex saħaq li bħal każ ta’ Annabelle hemm ħafna.  Iżda wara pressjoni mill-Kunsill, aċċetta l-proposta. 
Annabelle kienet saret persuna pubblika, tant li l-funeral tagħha kien ġibed lejn il-knisja ta’ San Nikola mijiet ta’ qraba, ħbieb u nies oħra li qatt ma ltaqgħu magħha u li xxandar ukoll fuq stazzjon televiżiv lokali. 
Fil-Gazzetta tal-Gvern tas-17 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet kien tħabbar li Triq Ġdida fi Triq Nicolò Baldacchino fis-Siġġiewi se tissemma’ Triq Ġuża Mifsud.
Il-plakka f’din it-triq twaħħlet fl-istess ġurnata li twaħħlet dik tat-triq iddedikata lil Annabelle Vassallo.
Ġuża Mifsud, mis-Siġġiewi, allegatament kien ikollha dehriet tal-Madonna fil-Girgenti.