Awdjo: “Anki jekk nakkumpanjaw lil min indarab, iż-żwieġ jibqa’ t-triq għall-qdusija”

Nhar San Ġorġ, Patrun ta’ Għawdex, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech sostna l-punt tiegħu li bl-Eżortazzjoni Appostolika l-ġdida Il-Ferħ tal-Imħabba l-Knisja mhix tarmi dak li dejjem għallmet dwar iż-żwieġ u l-familja, imma qiegħda tiftaħ dirgħajha beraħ biex turi li fi ħdanha hemm post għal kulħadd.
“Il-Papa Franġisku tana d-dawl dwar il-ħajja taż-żwieġ”
Hu qal li jirringrazzja lil Alla li l-Papa Franġisku, frott ta’ żewġ Sinodi, tana dan id-dawl dwar il-ħajja taż-żwieġ u l-familja, imma fl-istess ħin “konxju li hemm min seta’ tfixkel b’ċerti kunsiderazzjonijiet li għamel il-Papa u li jrid li aħna nagħmlu bħala Knisja”.
“Iż-żwieġ kif ħalqu Alla jibqa’ waħda mit-toroq għoljin għall-qdusija”
Iż-żwieġ kif ħalqu Alla, rabta dejjiema bejn mara u raġel misjuqa mill-imħabba miftuħa għall-ħajja, esperjenza li Kristu minn waħda naturali għamilha sagrament ta’ grazzja, jibqa’ waħda mit-toroq għoljin għall-qdusija.
“Il-Knisja tħeġġiġna nagħmlu xi kunsiderazzjonijiet pastorali”
Imma l-Papa, anzi l-Knisja, saħaq l-Isqof Grech, qed tħeġġiġna nagħmlu ċerti “kunsiderazzjonijiet pastorali quddiem persuni li jridu jimxu wara Ġesù u jaħdmu fuqhom infushom biex jagħtu l-frott, imma għal xi raġuni jew oħra naqsithom il-ħila”.
Semma speċifikament dawk l-Insara li qed jikkoabitaw, il-miżżewġin bi żwieġ ċivili biss, u dawk li kienu miżżewġin imma l-ħajja flimkien saret “madmad tqil ħafna li ma felħuhx, u allura daħlu f’relazzjoni oħra”.
“Fil-Knisja hemm post għal kulħadd”
“Dawn kollha hemm posthom fil-Knisja, u ma’ dawn kollha nistgħu nagħmlu kunsiderazzjoni speċjali biex ix-xewqa tagħhom li jkomplu jimxu wara Kristu tiġi milqugħa u megħjuna”, tenna l-Isqof Grech.
Dwar dawk li jgħidu: “Issa sew! Jien rajt tant ma’ wiċċi biex nibqa’ ngħix il-ħajja fiż-żwieġ, u issa l-Knisja qed tgħidli nitfa’ kollox wara spallejja!”, l-Isqof irribatta li ħadd mhu jgħidilna li l-proposta tal-ħajja Nisranija nbidlet.
Jekk hemm koppja li ż-żwieġ tagħha tkisser, mhux bilfors kulħadd għandu jarmi l-impenn lejn il-fedeltà. Anzi, l-Isqof faħħar l-istat ta’ min hu armel, jew ta’ min issepara u għadu jgħix waħdu jew waħidha biex iżomm fl-għoli l-valur taż-żwieġ konjugali, għax “dawk jibqgħu l-mudelli jew saħansitra l-martri ta’ żmienna”.
Anki jekk “mhux kulħadd huwa msejjaħ għall-martirju”, qal l-Isqof, “imma int, jekk Alla tak din is-sejħa, kun imbierek, u m’għandekx għalfejn tgerger, tgħir, tiġġudika jew ixxejjen l-għażla erojka li għamilt int stess”.
L-Isqof temm l-omelija billi qal li hu jitlob li jkollna komunità Nisranija li “mhux timxi fuq l-eċċezzjoni, imma fuq dawn il-valuri, anki jekk jiswew it-tixrid tad-dmugħ”.
Fl-okkażjoni tal-onomastiku tal-Papa, ilbieraħ l-Isqof ta’ Għawdex bagħatlu l-awguri tal-festa.