Awdjo: “Alla se jifhmek u jiskużak, mela Alla xi bodbod?”

Walid Nabhan, l-awtur Musulman li jgħix Malta jsostni li f'Malta m'għandhiex tinfetaħ Moskea ġdida u jiddeskrivi s-sitwazzjoni kurrenti bħala “battalja bejn id-dlam u d-dawl.”
Ma’ Newsbook.com.mt, Walid spjega li wieħed jista’ jaħseb kmieni biex jasal fil-ħin għat-talb fil-Moskea ta' Raħal Ġdid u "li f'Malta ma tantx tista' tittardja." Kompla jgħid li jekk wieħed ma jirnexxilux imur ma tkunx waqgħet id-dinja għax "Alla se jifhmek u jiskużak, mela Alla xi bodbod?”  Semma ċirkostanza fejn min iħaddem jista' ma jħallix lill-impjegati jitilqu mix-xogħol.
Walid stqarr li t-twaqqif tal-Kunsill Musulman Malti hu mossa ta' rivalità mal-Moskea uffiċjali. Saħaq li din l-entità nħolqot biex timpika mal-membri Musulmani f'Raħal Ġdid, wara li ma rnexxilhiex tikseb Moskea oħra.
Għal Walid, l-argument li l-Moskea mhijiex ċentrali u l-idea li jinħolqu swali ta' talb għall-Musulmani, huma skuża għax Malta hi ċentrali minnha nnfisha. Spjega li l-Moskea ċentrali hi ffinazjata mil-Libja u t-twaqqif ta’ Moskea oħra se joħloq firda mhux mixtieqa bejn il-Libjani u “l-oħrajn”. Wera d-dubji tiegħu dwar kif kieku tista’ tiġi ffinanzjata Moskea oħra għax “għal din l-istituzzjoni trid il-miljuni”.
L-awtur Musulman qal li l-Moskea tesa’ ħafna u l-argumenti miġjuba huma kollha gideb. Kompla jgħid li l-affarijiet għandhom jitħallew kif inhuma u lil dawk in-nies ma “nagħtuhomx wiċċ”, għax forsi huma “nies tajbin iżda ma tafx x’jista’ joħroġ minn taħt idejhom.” Esprima li l-biża’ tiegħu hi l-estremiżmu għami għax jipprovoka lill-Maltin, ġaladarba l-ambjent ta’ Malta jippermettih. Walid staqsa, “minflok noqogħdu kwieti għax qegħdin f’dar in-nies, irridu nimponu tagħna fuqhom?" 
Saħaq li d-dehra ta' tolleranza tal-Musulmani mhijiex vera, għax l-aktar ħaġa diffiċli, jekk mhux impossibli għalkollox, hija li tibni knisja f'pajjiż Għarbi Musulman, u min jgħid ħlief hekk jaf li qed jidħaq bih innifsu qabel bl-oħrajn